STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imniedi l-Pjan Strateġiku 2026–2030 tal-Istitut għall-Edukazzjoni
L-Istitut għall-Edukazzjoni (IfE) nieda uffiċjalment il-Pjan Strateġiku tiegħu għall-2026–2030, qafas b'viżjoni lejn il-futur li jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex javvanza t-tagħlim professjonali, isaħħaħ il-prattika edukattiva, u jappoġġja l-professjonijiet kollha li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ħolistiku tat-tfal u tal-istudenti. Dan il-pjan kien żviluppat matul l-2025.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, li enfasizza li l-edukazzjoni tinsab fil-qalba nett tal-viżjoni nazzjonali fit-tul Viżjoni Malta 2050 u hija rikonoxxuta bħala mutur ewlieni tal-koeżjoni soċjali, il-prosperità sostenibbli, ir-reżiljenza demokratika u l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet.
Il-Ministru Grima enfasizza li l-Pjan Strateġiku 2026–2030 tal-Istitut għall-Edukazzjoni huwa strument ewlieni li permezz tiegħu l-ambizzjoni edukattiva ta' Malta tiġi tradotta f'kapaċità sostnuta tas-sistema u f'impatt fit-tul. “Dan il-Pjan Strateġiku jibni fuq il-pedamenti sodi tal-istrateġija preċedenti 2021–2030, u jintegra l-iżviluppi sinifikanti fl-edukazzjoni, xejriet globali emerġenti u għarfien miksub permezz tat-tkabbir u l-innovazzjoni ta' dan l-Istitut. Il-Pjan huwa wkoll allinjat mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030, il-Viżjoni Malta 2050, kif ukoll ma' approċċi internazzjonali permezz tal-kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD)."
Il-Pjan Strateġiku huwa msejjes fuq id-dikjarazzjoni aġġornata tal-missjoni tal-IfE, li timpenja ruħha għal tagħlim personalizzat u mmexxi minn valuri li jqiegħdu lill-istudent fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni.
L-iżvilupp tal-Pjan Strateġiku segwa proċess estensiv u inklussiv ta' konsultazzjoni, permezz tat-twaqqif ta' kumitat li ġabar flimkien akkademiċi, riċerkaturi u ħaddiema mill-amministrazzjoni, bil-kontribut tal-ekosistema edukattiva kollha, edukaturi, professjonisti, studenti, parteċipanti fil-korsijiet tal-IfE, u entitajiet oħrajn. Dan kollu wassal għall-istrateġija finali.
Il-Pjan Strateġiku 2026–2030 huwa strutturat madwar erba' pilastri strateġiċi li flimkien isaħħu r-rwol tal-IfE bħala ċentru nazzjonali għat-tagħlim professjonali, ir-riċerka, il-kollaborazzjoni u l-iżvilupp tas-sistema edukattiva. Dawn il-pilastri jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità professjonali f'diversi dixxiplini, l-avvanz tar-riċerka u l-innovazzjoni integrati fil-prattika, l-espansjoni tas-sħubijiet u n-netwerks ta' kollaborazzjoni, u l-iżgurar ta' tkabbir organizzattiv u governanza sostenibbli.
Permezz ta' dawn il-prijoritajiet, il-Pjan għandu l-għan li jwassal firxa wiesgħa ta' riżultati, fosthom it-tisħiħ kontinwu tal-forza tax-xogħol edukattiva ta' Malta, titjib fl-esperjenzi u l-benesseri tal-istudenti, prattika msaħħa b'riċerka, u l-iżvilupp ta' sistema edukattiva reżiljenti u lesta għall-futur. L-istrateġija tirrikonoxxi li edukazzjoni ta' kwalità għolja tiddependi fuq il-kollaborazzjoni bejn edukaturi, psikologi, mexxejja, riċerkaturi u professjonisti oħra li flimkien jappoġġjaw l-iżvilupp tat-tfal.
Il-Pjan jagħti wkoll importanza qawwija lill-kompetenza etika u diġitali, prattiki sostenibbli u impenn internazzjonali, biex jiżgura li s-settur edukattiv ta' Malta jibqa' ffukat u involut b'mod kritiku fl-iżviluppi soċjali, teknoloġiċi u globali li qed jinbidlu. Dan jippermetti lill-istudenti jikbru b'għarfien, adattabilità u fiduċja. L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan Strateġiku teħtieġ investiment sostnut, riżorsi umani msaħħa u kollaborazzjoni kontinwa fis-settur edukattiv kollu. Fuq kollox, titlob ħidma kollettiva fost il-partijiet interessati li huma impenjati li jwasslu impatt sinifikanti għall-istudenti u l-komunitajiet.
Meta tkellmet waqt it-tnedija, il-Kap Eżekuttiv tal-IfE, Joanne Grima, saħqet li dan il-pjan jirrappreżenta kemm dikjarazzjoni ta' intenzjoni kif ukoll roadmap prattiku għall-azzjoni. Permezz tal-allinjament tal-prijoritajiet nazzjonali mal-aħjar prattika internazzjonali, l-Istitut għall-Edukazzjoni għandu l-għan li jkompli jaġixxi bħala katalist għall-innovazzjoni, l-eċċellenza professjonali u t-titjib tas-sistema kollha.
Il-Pjan Strateġiku jqiegħed lill-IfE f'pożizzjoni li jkompli jevolvi bħala ċentru fejn l-aspirazzjonijiet professjonali jinbidlu f'inizjattivi ta' impatt li jibbenefikaw minnhom il-professjonijiet li huma ta' ġid għall-istudenti u l-iżvilupp tas-soċjetà kollha, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN