STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Għaddej ix-xogħol fuq il-lift bejn Marsamxett u l-Mandraġġ
Ix-xogħlijiet fuq il-lift ta' Marsamxett qed jimxu b'pass tajjeb u jinsabu fi stadju avvanzat, b'dan il-proġett se jkun ta' benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għall-eluf ta' turisti li jżuru din in-naħa tal-Belt Valletta, b'mod partikolari dawk li jużaw is-servizz tal-baħar minn Tas-Sliema.
Waqt żjara fuq il-proġett mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, rappreżentati mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta inkluż is-Sindku Olaf Mckay u t-tim tal-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), ġie spjegat li x-xogħol mexa b'mod effiċjenti tant li tlesta x-xogħol kumplimentari kollu li kien meħtieġ kemm ġewwa l-Mandraġġ kif ukoll fin-naħa t'isfel fejn jopera s-servizz tal-baħar bejn Tas-Sliema u Marsamxett.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett għandu l-għan li jtejjeb b'mod sostanzjali l-aċċessibbiltà f'din iż-żona. “Qed nagħmlu aċċess aktar faċli u isbaħ għan-nies biex ikunu jistgħu jitilgħu u jinżlu dirett lejn Marsamxett. Dan huwa proġett ieħor li qegħdin naħdmu fuqu f'din iż-żona, proġett li ladarba għandek lift li qed isir fis-sur kellu ċertu kumplessità marbuta miegħu, iżda ridna nagħtu aċċess aħjar u isbaħ lir-residenti u anke lit-turisti."
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li permezz ta' investiment minn fondi Ewropej bħala parti minn proġett ta' riġenerazzjoni taż-żona ta' Marsamxett, dan il-lift se jnaqqas b'mod sinifikanti d-diffikultà għall-pubbliku li bħalissa jridu jitilgħu telgħa wieqfa. Dan l-intervent mhux biss itejjeb l-aċċessibbiltà u l-esperjenza ta' kuljum tal-pubbliku, iżda jħares ukoll il-valur storiku tas-sit, filwaqt li joħloq spazju ġdid li jgħaqqad il-mobbiltà, il-wirt kulturali u l-kwalità tal-ħajja. Huwa enfasizza kif dan il-lift se jagħti opportunità lill-pubbliku biex jagħmel użu minn mezzi ta' trasport alternattiv minn u lejn il-Belt Valletta, u fl-istess ħin japprezza s-saffi storiċi uniċi li jagħmlu din iż-żona tant speċjali għal Malta u l-viżitaturi tagħha.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi spjega l-isfidi tekniċi li kien jinvolvi dan il-proġett. “Dan huwa proġett li ppreżenta sfidi kemm mill-aspett tal-inġinerija kif ukoll min-natura tax-xogħol li kien jirrikjedi. Evitajna li l-lift ikun fuq in-naħa ta' barra tas-swar, u għalhekk kien hemm bżonn li jsir tħaffir dirett fis-sur. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi intervent metikoluż, bil-mod u bl-idejn, u fl-istess ħin inbniet struttura tal-konkrit ġewwa s-sur sabiex jinħoloq ix-shaft tal-lift. B'hekk qed jinħoloq aċċess modern u sigur filwaqt li ġie mħares il-wirt storiku tas-swar tal-Belt Valletta," spjega s-Sur Cauchi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN