Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California

PR260217
Date Icon 09/02/2026

Dr Borg jiltaqa' wkoll mal-Kunsill ta' Millbrae, belt b'ġemellaġġ mal-Mosta

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa' mal-Maltin li jgħixu fl-Istat ta' California, fil-Maltese-American Social Club ġewwa San Francisco.

Hu żar din il-komunità Maltija qabel beda għadd ta' laqgħat ma' mexxejja lokali, rappreżentanti mill-industrija tal-intelliġenza artifiċjali f'Silicon Valley, u industriji oħrajn, sabiex jiddiskuti kollaborazzjonijiet fit-turiżmu u oqsma oħrajn.

Fil-Maltese-American Social Club, Dr Borg saħaq dwar l-irwol importanti ta' dawn iċ-ċentri biex iżommu l-identità u t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin fost id-diaspori Maltin, anke dawk li qatt ma għexu f'Malta. Faħħar l-impenn tagħhom hekk kif dan il-klabb qed joqrob lejn il-100 anniversarju tiegħu.

“Meta kienu qed jibdew ħajja ġdida 'l bogħod minn xtutna, dawn il-komunitajiet ħassew li kellhom joħolqu struttura fejn jgħinu lil xulxin, u llum din isservi bħala ċentru ta' ċelebrazzjoni fejn jiltaqgħu u jagħmlu attivitajiet bejniethom," qal Dr Borg. Klabbs bħal dawn jaqdu rwol soċjali u jgħinu sabiex il-membri jibqgħu f'kuntatt, filwaqt li jservu wkoll bħala mezz kif l-imħabba lejn Malta u l-istorja tagħha jibqgħu jiġu mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra.

“Nixtieq inwassal il-messaġġ tal-Gvern u tal-poplu Malti, li aħna kburin bis-suċċessi tal-komunitajiet tagħna barra l-pajjiż, u kif iżommu 'l fuq il-bandiera bajda u ħamra kull fejn tmorru. Nawgurawlkom, imma fl-istess waqt nistednukom terġgħu lura f'pajjiżna sabiex tesperjenzaw il-Gżejjer Maltin u biex tkomplu tikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' pajjiżna," Dr Borg żied jgħid.

Il-President tal-klabb Mary Vella Gomes spjegat kif il-komunità li tinġabar fiċ-ċentru tinkludi persuni minn madwar iż-żona kollha tal-bajja ta' San Francisco u lil hinn minnha. “Jien għandi l-unur li nservi bħala l-ewwel mara f'din il-kariga fl-istorja tal-klabb, hekk kif issa ninsabu tant ħerqana sabiex niċċelebraw il-100 anniversarju tiegħu ftit snin oħra. Ilum kuntenti li qed nilqgħu lid-Deputat Prim Ministru u filwaqt li għandna preżenti persuni minn bosta bliet differenti, rajna wkoll li jkun hawn ukoll diversi għaqdiet immexxija mill-Maltin," qalet Vella Gomes.

Id-Deputat Prim Ministru żar ukoll lill-Kunsilliera u s-Sindku tal-Belt ta' Millbrae, id-dar ta' bosta Maltin u Għawdxin li emigraw fl-Istati Uniti, u tad-dixxendenti tagħhom. Din il-Belt għandha wkoll ġemellaġġ mal-Mosta.

“Ir-relazzjoni bejn il-Mosta u Millbrae bdiet fl-1996 għaliex bosta familji li kienu jgħixu hawn kellhom rabta ma' din il-lokalità f'Malta. Matul is-snin kellna bosta delegazzjonijiet li żaru Malta filwaqt li dejjem kien ta' pjaċir li nilqgħu delegazzjonijiet Maltin li jżuru l-Belt tagħna, fosthom Presidenti tar-Repubblika, Prim Ministru u issa wkoll id-Deputat Prim Ministru Borg," qal is-Sindku ta' Millbrae, Reuben D. Holober.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iżur il-Maltin fl-Istat ta’ California
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow