STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Imfakkar it-30 sena mit-twaqqif tas-servizz tas-Supportline 179
Is-Supportline 179, il-linja telefonika nazzjonali ta’ Malta li topera 24 siegħa kuljum, qed tiċċelebra t-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Servizz immexxi mill-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), u li joffri appoġġ emozzjonali, kunfidenzjali, informazzjoni u servizzi ta’ riferiment lil persuni li jkunu qed jesperjenzaw sfidi jew tbatija emozzjonali.
Propju, nhar il-Ħamis filgħodu, ttellgħet konferenza sabiex mhux biss tfakkar dan l-anniversarju, iżda anke tħares lejn il-kisbiet u l-avvanz illi sar matul dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon spjega li permezz ta’ dan il-helpline daħlu diversi każijiet fosthom relatati ma’ vjolenza domestika, abbuż ta’ tfal, sfidi ta’ saħħa mentali, solitudni, abbuż minn sustanzi, fost oħrajn. Kompla li dan is-servizz wassal biex jiġu salvati bosta ħajjiet grazzi għall-assistenza professjonali fil-pront.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti qal li dan is-servizz se jibqa’ mmexxi min-nies u min iċempel jew jibda chat mas-servizz, se jkun qed isib persuna tisimgħu u tgħinu fuq in-naħa l-oħra. “Kommessi li nibqgħu ninvestu fir-riżorsi umani u nkomplu nagħtu taħriġ kontinwu sabiex naċċertaw li nibqgħu nagħtu servizz ta’ kwalità,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS.
Sabiex jikkumplimenta s-servizz attwali, tħabbar li ġie introdott servizz ta’ live chat sabiex jingħata appoġġ kunfidenzjali bil-miktub għal persuni li jsibuha aktar faċli li jiktbu milli jitkellmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN