STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-bilanċ bejn l-innovazzjoni u l-protezzjoni fiċ-ċentru tad-diskussjoni fil-Jum tal-Protezzjoni tad-Data
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza konferenza annwali organizzata mid-Direttorat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru, fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data, fejn ġie diskuss il-mod kif is-soċjetà tista' tħaddan l-innovazzjoni teknoloġika filwaqt li tissalvagwardja l-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin.
Il-Ministru Attard beda biex jisħaq dwar il-valuri li nagħżlu li nħaddnu bħala soċjetà fundamentali fil-proċess biex nibnu futur b'saħħtu u sostenibbli. “Dawn il-valuri jsaħħu l-fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-istituzzjonijiet, u jiggwidaw id-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum ta' kulħadd," sostna Dr Attard.
Għal din is-sena, it-tema ċentrali tittratta li 'Nilħqu l-Bilanċ', bilanċ essenzjali bejn l-innovazzjoni u l-protezzjoni, bejn l-effiċjenza u r-responsabbiltà, u bejn dak li hu possibbli teknoloġikament u dak li hu aċċettabbli etikament.
Il-Ministru enfasizza kif it-teknoloġija llum tinsab preżenti f'kull aspett tal-ħajja, b'użu dejjem jikber ta' sistemi awtomatizzati, intelliġenza artifiċjali u analiżi ta' ammonti kbar ta' data.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard saħaq li l-protezzjoni tad-data tmur ferm lil hinn minn kwistjoni ta' liġijiet u konformità regolatorja, iżda hija riflessjoni tal-valuri li s-soċjetà tagħżel li tħaddan u tal-livell ta' fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-istituzzjonijiet u li l-Gvern jibqa' impenjat sabiex ikompli jsaħħaħ dawn il-prinċipji.
“Jeħtieġ li naħdmu flimkien, istituzzjonijiet, is-settur pubbliku u dak privat, u bejn il-professjonisti kollha li jaħdmu f'dan il-qasam," sostna l-Ministru Attard filwaqt li tenna dwar l-importanza li jinġibed ħabel wieħed jekk irridu nibqgħu fost ta' quddiem f'dan il-qasam ukoll.
Il-Ministru rrikonoxxa r-rwol kruċjali tal-professjonisti kollha involuti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, filwaqt li sostna li din hija responsabbiltà kondiviża li teħtieġ kollaborazzjoni kontinwa bejn l-istituzzjonijiet, is-settur pubbliku u dak privat.
Indirizzaw din il-konferenza wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, l-uffiċjal mill-Kummissjoni Ewropea Dr David Ciliberti, Davida Flores mid-Direttorat għall-Protezzjoni tad-Data u l-Koordinazzjoni u l-Informazzjoni, Dr Clayton Silvio DPO tal-Korp tal-Pulizija, Annabel Said mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN