STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Imnedija tliet servizzi tal-Insulin Pumps (frixa artifiċjali)
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ħabbar it-tnedija ta’ tliet servizzi li flimkien jgħinu u jgħollu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li jgħixu bid-dijabete Tip 1.
“Illum huwa jum importanti għal pajjiżna. Din hija kisba kruċjali fil-kura tad-dijabete f’pajjiżna,” stqarr il-Ministru Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Abela spjega kif b’investiment ta’ €1.4 miljun, se tingħata bla ħlas pompa tal-insulina ‘Tandem t:slim x2’ li taħdem f’sinerġija mas-CGM (Continuous Glucose Monitors) li diġà huwa provdut, li se toffri terapija bl-insulina b’mod awtomatiku u kostanti. It-tieni tnedija hija dik ta’ klinika multi-dixxiplinari tal-pompi tal-insulina fiċ-Ċentru Ċensu Moran, b’tim ġdid ta’ professjonisti mħarrġa sew. It-tielet miżura hija t-twaqqif ta’ contact centre li jaħdem 24/7 u se joffri pariri u għajnuna relatati ma’ dan it-tagħmir.
Dr Abela qal kif mil-lum dan is-servizz qed jiġi offrut lill-pazjenti ta’ 18-il sena u anqas, kif ukoll lill-pazjenti li jiżviluppaw id-dijabete wara kirurġija għat-tneħħija totali tal-frixa. Fix-xhur li ġejjin is-servizz se jiġi estiż biex ikopri lill-pazjenti kollha bid-Dijabete Tip 1. Ser jiġi mniedi wkoll servizz identiku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-pazjenti Għawdxin fil-ġranet li ġejjin.
“Illum implimentajna wegħda oħra. L-investiment tal-lum mhux biss itejjeb l-kwalità tal-ħajja u jevita kumplikazzjonijiet serji, iżda huwa ta’ serħan il-moħħ għall-ġenituri wkoll. Se nkomplu naqdu dmirna li noffru l-aħjar kura u kwalità ogħla lill-pazjenti Għawdxin u Maltin,” temm jgħid Dr Abela.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN