STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Għaddejja l-operazzjoni ta’ tindif tat-tankijiet għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil fl-impjant ta’ San Luċjan
Jitbattal u jitnaddaf l-akbar tank minn 12 fl-impjant ta’ San Luċjan
Tnaddaf l-akbar tank minn 12 li hemm fl-impjant ta’ San Luċjan, li kienu jintużaw għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil. L-akbar tank ħa madwar xahar biex jitbattal u jitnaddaf.
Dawn it-tankijiet jinsabu fiż-żona tal-Qajjenza, f’Birżebbuġa u dan ix-xogħol huwa parti mill-pjan tal-Gvern sabiex dan l-impjant jinbidel fil-proġett magħruf bħala s-Siċċa, proġett li se jżomm fil-qalba tiegħu l-element tas-sostenibilità.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli flimkien maċ-Chairman ta’ Petromal, James Camenzuli u s-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, żaru x-xogħlijiet.
Waqt iż-żjara ġie spjegat kif ix-xogħol qed isir billi nfetħu aktar aperturi fit-tankijiet għal ċirkolazzjoni tajba tal-arja. Għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà saru t-testijiet neċessarji tal-arja. Bħala miżura akbar ta’ prekawzjoni, ġiet installata sistema ta’ ventilazzjoni addizzjonali. B’hekk, wara li jitbattlu t-tankijiet mil-likwidu, il-ħaddiema jistgħu jidħlu biex inaddfu l-materjal li jkun fadal. Il-proċess isir bl-idejn, bil-ħaddiema lebsin ilbies protettiv apposta.
Il-materjal li jinġabar jiġi ppakkjat u maħżun f’kontenituri apposta u ppreparat għall-esportazzjoni fejn jiġi esportat skont ir-regolamenti ambjentali tal-Unjoni Ewropea ġo faċilitajiet iċċertifikati fl-UE.
“Huwa proċess metikoluż u li jieħu l-ħin tiegħu għax irridu naċċertaw ruħna mill-aspett ta’ saħħa u sigurtà, kif ukoll mill-aspett ambjentali. Ladarba dan il-proċess ikun lest, mbagħad nidħlu għall-fażi oħra tat-tneħħija tat-tankijiet,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Is-Sur Camenzuli spjega li wara li tank jitbattal mill-likwidu, jitkompla x-xogħol bl-idejn biex jitnaddaf mill-ħama li jkun inġabar tul is-snin. Huwa qal li dan ix-xogħol seta’ jibda wara li ġew konklużi l-proċessi tal-appell fuq l-aġġudikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt għat-tindif tat-tankijiet.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN