Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Imtarfa

pr260159
Date Icon 29/01/2026

•Servizz 24/7 

Fetaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’  vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Imtarfa. Dan se jikkumplimenta l-ħidma mwettqa mill-Hub f’Santa Luċija u l-Hub f’Għawdex, biex issa dan is-servizz speċjalizzat ser jingħata wkoll mit-Tramuntana tal-pajjiż. Dan wara xogħlijiet li saru biex il-binja tkun tista’ toffri ambjent adegwat lil dawk li jfittxu l-għajnuna, bis-servizz issa qed jingħata erbgħa u għoxrin siegħa kuljum is-sena kollha, minn tim multidixxiplinarju. Hekk kif joffri diversi servizzi t’appoġġ u t’assistenza professjonali mill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u minn Professjonisti mħarrġa f’dan il-qasam.

B’dawn il-hubs waslu biex jiżdiedu r-rapporti ta’ vjolenza domestika, hekk kif is-servizz huwa wieħed aktar aċċessibbli, sensittiv u preparat għal sitwazzjonijiet diffiċli. 

Il-Ministru Byron Camilleri fakkar li kien fl-2020 li dan il-Gvern beda taqsima speċjalizzata għal dan il-għan, li wasslet biex din it-taqsima tibda taħdem minn hubs bħal dawn madwar il-pajjiż. 

“Ridna li s-servizz li jingħata lill-vittmi jkun sensittiv u bl-għarfien li kien hemm bżonn f’każi tant delikati. Għalhekk morna fit-triq tal-ispeċjalizzazzjoni. Int ikollok pereżempju tim fid-distrett, fl-għassa, li qed iwettaq il-ħidma ġenerali tal-korp; minn rapporti ta’ kull xorta, għal involviment mal-komunità biex tinżamm is-sigurtà u tinżamm ħidma fuq il-prevenzjoni, għal nies involuti fix-xhieda u fil-prosekuzzjoni ta’ reati diversi, festi u mitt ħaġa oħra. Imbagħad f’dan kollu tista’ tiġi wkoll persuna li tkun għaddiet minn każ tal-vjolenza domestika. Bdejna naraw li kien impossibbli li jingħata l-livell ta’ appoġġ li nixtiequ li jingħata. U għalhekk wettaqna l-bidla.”

Il-Ministru Camilleri tenna li “kien għalhekk li nħolqot taqsima speċjalizzata li taħdem b’multi-stakeholder approach. Xi ħaġa li nemmen fiha ħafna. Fejn mhux biss issib pulizija mħarrġa u speċjalizzati, imma ssib ukoll il-professjonisti li jaħdmu id f’id. Dak hu s-servizz li nagħtu f’hub bħal dan.  Bdejna fid-depot, imbagħad frixna f’Santa Luċija, Għawdex u issa hawn fl-Imtarfa. Dan filwaqt li kull pulizija baqa’ jingħata taħriġ dwar is-suġġett kemm fir-reklutaġġ u kemm fl-in-service. Imma mbagħad tiġi referut f’hub bħal dan.”

Filwaqt li tenna l-ħidma li mhu ser taqta’ xejn f’dan is-settur ikkonkluda li “nagħmlu kemm nagħmlu, hemm il-kultura li rridu nħaddnu lkoll kemm aħna fis-soċjetà. Il-mod li nindirizzaw lil xulxin b’rispett, anke meta ma naqblux. Ir-rispett lejn il-mara. Il-ħidma għall-ugwaljanza. Iva, ir-rispett tibqa’ l-aqwa għodda ta’ prevenzjoni fejn ilkoll kemm aħna fis-soċjetà, jista’ jkollna parti x’nilagħbu.” 

Fil-fatt, il-ħidma kontra l-vjolenza domestika mhux biss issaħħet bit-twaqqif ta’ din is-sezzjoni, li llum għandha 70 uffiċjal u l-ftuħ ta’ dawn il-hubs li fihom ġew assistiti aktar minn 3,500 persuna, imma anke bit-twaqqif tal-Victim Support Agency li tassisti lill-vittmi ta’ kriminalità. Dan filwaqt li ġie mniedi s-servizz tal-panic alarms għall-vittmi ta’ vjolenza domestika li diġà ntużaw minn 105 persuna. Liġi ġdida għamlitha wkoll possibbli li persuni f’relazzjoni jistgħu jingħataw informazzjoni dwar jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom instabux ħatja ta’ vjolenza domestika. Dan flimkien ma’ ħidma oħra li titwettaq ta’ kuljum. 

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li, “Ir-realtà tal-vjolenza domestika titlob azzjoni konkreta u kontinwa. Dan il-hub fl-Imtarfa huwa xhieda ċara tal-impenn tal-Gvern li jressaq is-servizzi eqreb lejn il-komunitajiet, jipprovdi spazji siguri u dinjitużi għall-vittmi u jsaħħaħ rispons koordinat bejn il-pulizija, il-ħaddiema soċjali u l-aġenziji kollha involuti. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nibdlu l-istatistika f’azzjoni u nagħmlu l-ħolma ta’ futur mingħajr vjolenza realtà tanġibbli.”

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li fl-ewwel ħames snin minn mindu twaqqfet il-Gender-Based & Domestic Violence Unit, irreġistrajna żieda ta’ kważi 70% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika minn 1325 rapport fl-2019 għal 2225 fl-2024. Din iż-żieda ma kinitx każwali, iżda riżultat dirett ta’ servizz aktar professjonali, sensittiv u empatiku, kif ukoll ta’ investiment kontinwu fl-għarfien u fl-edukazzjoni. “Ta’ min jinnota li, wara ħames snin konsekuttivi ta’ żieda fir-rapporti fuq livell nazzjonali, fl-2025 rajna tnaqqis marġinali ta’ 2%. Min-naħa l-oħra, fl-ewwel sena sħiħa tas-servizz f’Għawdex, ir-rapporti żdiedu bi 30%. Nemmen li dan jirrifletti l-istess evoluzzjoni li għaddejna minnha Malta, evidenza li qed nattakkaw konkretament id-dark figure of crime.”

Huwa qal li bil-ftuħ ta’ dan il-Hub, il-Korp tal-Pulizija qiegħed ikompli jsaħħaħ is-servizz li tellqu f’Ottubru tal-2020 u li llum jinkludi l-hubs f’Santa Luċija u fir-Rabat, Għawdex. Dan sabiex l-għajnuna professjonali, il-protezzjoni u l-intervent tal-Pulizija jkunu aċċessibbli, koordinati u disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Min-naħa tagħha, il-Professur Marceline Naudi esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li llum f’Malta għandna postijiet bħal dawn u li temmen li dawn il-hubs huma importanti ħafna għaliex għandhom l-ambjent meħtieġ għall-vittmi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Imtarfa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Imtarfa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Imtarfa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Imtarfa
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow