STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA PEP u PrEP bla ħlas: investiment ġdid fil-prevenzjoni tal-HIV
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar investiment ġdid fil-kura tas-saħħa tal-popolazzjoni tagħna, immirat lejn il-prevenzjoni tal-infezzjoni tal-HIV f'pajjiżna, bl-introduzzjoni tal-PEP u PrEP bla ħlas. Permezz ta' din l-inizjattiva qed titwettaq wegħda oħra elettorali.
Malta hija allinjata mal-miri aċċellerati tal-UNAIDS biex l-AIDS tintemm bħala theddida għas-saħħa pubblika sal-2030. Diġà saru investimenti sostanzjali biex persuni li jgħixu bl-HIV ikollhom aċċess għal servizzi ta' kura ta' kwalità mmexxija minn speċjalisti u għal mediċini aġġornati, li jippermettulhom jilħqu soppressjoni virali u jgawdu minn kwalità ta' ħajja tajba u aspettattiva ta' ħajja normali. Dan huwa parti mill-kunċett ta' “Treatment as Prevention", li jnaqqas ukoll it-trażmissjoni tal-infezzjoni fil-popolazzjoni fl-interess tas-saħħa pubblika.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif mill-lum qed jitniedu żewġ mediċini għad-disponibbiltà bla ħlas. Il-PEP (post-exposure prophylaxis) għal kull min jista' jkun ġie espost għall-HIV, irrispettivament mit-tip ta' espożizzjoni. Qal, kif s'issa l-PEP kienet disponibbli bla ħlas f'ċirkostanzi limitati, bħal espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol jew f'każijiet ta' stupru. Issa l-eliġibbiltà għall-PEP bla ħlas ġiet estiża sabiex tinkludi kull tip ta' espożizzjoni, inklużi espożizzjonijiet sesswali konsenswali, espożizzjonijiet okkupazzjonali oħra jew kwalunkwe espożizzjoni oħra.
It-tieni mediċina li qed titħabbar illum hija l-PrEP (pre-exposure prophylaxis), li hija indikata għal persuni jew gruppi ewlenin li jistgħu jkunu f'riskju jew riskju potenzjali ta' espożizzjoni għall-HIV, skont linji gwida internazzjonali. Sabiex wieħed ikollu aċċess għall-PrEP bla ħlas, għandu jagħmel appuntament fil-klinika tal-GU f'Malta jew f'Għawdex għal valutazzjoni minn speċjalista.
Il-Ministru Abela spjega kif dan l-investiment fil-prevenzjoni tal-HIV jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-saħħa pubblika u jnaqqas l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. “Billi qed nagħmlu l-PEP u l-PrEP disponibbli bla ħlas, qed inpoġġu l-prevenzjoni fiċ-ċentru tal-politika tas-saħħa tagħna u qed nassiguraw li ħadd ma jitħalla lura. Din hija miżura bbażata fuq l-evidenza, id-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, li se tikkontribwixxi għal popolazzjoni aktar b'saħħitha u għal Malta li tkompli tavvanza lejn il-mira li ttemm l-HIV bħala theddida għas-saħħa pubblika sal-2030," temm jgħid Dr Abela.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jikkuntattja professjonisti fil-kura tas-saħħa fil-klinika tal-GU matul il-ħinijiet tal-klinika jew jattendi wieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa Primarja jekk l-espożizzjoni kienet sesswali. F'każijiet ta' stupru, wieħed għandu jmur direttament fid-Dipartiment tal-Emerġenza, filwaqt li espożizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu indirizzati lill-Infection Control Unit tas-servizz tas-saħħa rilevanti.
Aktar informazzjoni dwar l-aċċess għall-PEP u l-PrEP, kif ukoll dwar is-saħħa sesswali, tinsab fuq www.sexualhealth.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN