STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Where Tomorrow Takes Root: Tinfetaħ ir-reġistrazzjoni għall-eżibituri għall-Malta AgriFair 2026
Il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru li nfetħu r-reġistrazzjonijiet għall-eżibituri għall-Malta AgriFair 2026, il-pjattaforma nazzjonali ewlenija għall-agrikoltura, is-sajd, is-sistemi tal-ikel u setturi relatati.
Wara s-suċċess u l-konkorrenza b'saħħitha tal-pubbliku, il-Malta AgriFair 2026 se tirritorna għat-tielet edizzjoni biex timmarka r-rwol kruċjali ta' dawn is-setturi fl-ekonomija u l-identità Maltija. Il-fiera se tittella' mill-Ġimgħa 17 sal-Ħadd 19 ta' April 2026, bejn l-10:00 ta' filgħodu u l-10:00 ta' filgħaxija, fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC), Ta' Qali. Il-fiera se tlaqqa' flimkien il-bdiewa, is-sajjieda, il-produtturi, l-edukaturi, l-innovaturi, in-negozji, il-familji u dawk li jfasslu l-politika, u toffri spazju ta' djalogu, tagħlim, kollaborazzjoni u involviment pubbliku.
It-tema ta' din is-sena, “Where Tomorrow Takes Root", tirrappreżenta viżjoni li tgħaqqad ir-rispett lejn it-tradizzjoni mal-ħtieġa li ninvestu fis-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-ġenerazzjonijiet futuri, u tenfasizza r-responsabbiltà kollettiva li nsaħħu llum dak li se jsostni l-għada. Fost il-prijoritajiet ewlenin hemm l-agrikoltura sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, l-agrikoltura ċirkolari u mingħajr skart, teknoloġiji innovattivi u agrikoltura intelliġenti, kif ukoll il-biedja organika u dik fi stadju ta' konverżjoni. Fl-istess ħin, il-fiera tibqa' impenjata li tħares u ssaħħaħ ir-razez indiġeni, il-prattiki tradizzjonali u l-wirt tal-ikel Malti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li l-Malta AgriFair tirrappreżenta pjattaforma strateġika li tgħaqqad il-preżent mal-futur tas-setturi primarji f'Malta. “Il-Malta AgriFair mhijiex biss wirja ta' prodotti jew attivitajiet, iżda spazju fejn il-ħidma ta' kuljum tal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi tagħna jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilha, filwaqt li nkomplu ninvestu f'soluzzjonijiet sostenibbli u innovattivi li jiggarantixxu futur b'saħħtu għal dawn is-setturi. It-tema magħżula tfakkarna li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum huma dawk li se jsawru s-sigurtà alimentari, l-ekonomija rurali u l-identità tagħna bħala pajjiż fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin."
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said sostniet, “L-Agrifair daħlet fil-kalendarju tal-Maltin bħala l-akbar fiera agrikola u dik relatata mas-sajd, li kompliet tittella' f'pajjiżna matul dawn l-aħħar snin. Inħeġġeġ lill-eżibituri kollha li jixtiequ jipparteċipaw sabiex jersqu 'l quddiem u jkunu jistgħu jesponu l-prodott tagħhom waqt l-Agrifair ta' din is-sena." Hija rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Ministeru għall-ħidma tagħhom sabiex dan l-avveniment ikun wieħed ta' suċċess.
Id-Direttur għas-Servizzi tas-Sapport Estelle Sant spjegat, “Il-Malta AgriFair toffri spazju fejn niltaqgħu bħala settur, bħala komunità u bħala pajjiż. Hija xhieda tal-ħidma, ir-reżiljenza u l-impenn tal-ħaddiema, bdiewa, raħħala, sajjieda, produtturi, intraprendituri u edukaturi – li kuljum ikomplu jsaħħu s-settur għall-identità u s-sigurtà tal-ikel ta' Malta. It-tema ta' din is-sena hija dikjarazzjoni ta' direzzjoni li tirrappreżenta l-ħtieġa li dak li nagħmlu llum nagħmluh b'għajnejna fuq il-ġejjieni, b'settur aktar sostenibbli, aktar innovattiv u aktar reżiljenti."
Il-Malta AgriFair hija mfassla biex tkun inklużiva u edukattiva, b'esperjenzi prattiċi u opportunitajiet ta' tagħlim għall-familji, l-istudenti u ż-żgħażagħ. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għarfien pubbliku jibqgħu pilastri ċentrali, u jsaħħu l-impenn lejn sistemi tal-ikel responsabbli u kura ambjentali sostenibbli.
Il-fiera toffri opportunità unika lill-eżibituri biex jesponu l-prodotti, is-servizzi u l-inizjattivi tagħhom quddiem udjenza wiesgħa u diversa taħt saqaf wieħed. Il-Malta AgriFair tlaqqa' flimkien produtturi lokali u negozji agroalimentari, servizzi professjonali u ta' konsulenza, fornituri, bejjiegħa u innovaturi, kif ukoll istituzzjonijiet edukattivi u ta' riċerka. Ir-reġistrazzjoni għall-eżibituri hija miftuħa sas-27 ta' Frar 2026.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jżur is-sit https://agrifair.gov.mt .
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN