STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Titnieda l-iskema l-ġdida “Irrestawra Darek u l-Villaġġ” b’allokazzjoni ta’ €30 miljun mifruxa fuq sitt reġjuni f’Malta u Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-iskema nazzjonali l-ġdida “Irrestawra Darek u l-Villaġġ”, li ser tkun miftuħa għall-proprjetajiet fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCAs) f’Malta u Għawdex kollha. Din l-iskema, li se tkun mifruxa fuq sitt reġjuni, se jkollha allokazzjoni totali ta’ €30 miljun.
L-ewwel fażi tal-iskema qed tinfetaħ għar-Reġjun Punent, li jinkludi lokalitajiet bħall-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi u ż-Żurrieq.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Permezz ta’ din l-iskema ġdida qed inkomplu ninvestu fil-wirt storiku u kulturali tagħna, fil-kwalit? tal-ħajja tar-residenti, u fil-konservazzjoni ta’ binjiet li jagħmlu lil-lokalitajiet tagħna uniċi. ‘Irrestawra Darek u l-Villaġġ’ mhux biss tgħin biex jiġu ppreservati dawn il-binjiet, iżda wkoll hija investiment dirett fil-komunitajiet tagħna, f’kull reġjun ta’ Malta u Għawdex, biex b’hekk niżguraw li l-identit? arkitettonika tagħna tkompli tiġi ppreservata u apprezzata mill-ġenerazzjonijiet futuri.”
L-iskema se tkun qed tiftaħ gradwalment sakemm tkopri s-sitt reġjuni fil-gżejjer Maltin. Għar-Reġjun Punent qed tiftaħ illum 28 ta’ Jannar 2026, għar-Reġjun Nofsinhar fi Frar 2026, għar-reġjun Għawdex f’Marzu 2026, għar-Reġjun Port f’April 2026, għar-Reġjun Tramuntana f’Mejju 2026 u għar-Reġjun Lvant f’Ġunju 2026.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorit? tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal, “B’din l-iskema, qed nerġgħu nikkonfermaw l-impenn tagħna biex inħarsu l-wirt arkitettoniku u l-identit? tal-villaġġi Maltin u Għawdxin, biex b’hekk nibqgħu nsaħħu l-komunitajiet tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri u sabiex nassiguraw li din l-iskema tilħaq ir-riżultat li nixtiequ. Huwa ta’ pjaċir għalina li din l-iskema tapplika mhux biss għar-residenzi privati iżda wkoll għal dawk il-binjiet li jospitaw għaqdiet mhux governattivi li huma parti kruċjali fil-qalba ta’ kull komunit?.”
Din l-inizjattiva hi mfassla sabiex tkompli tħeġġeġ ir-restawr u l-preservazzjoni tal-wirt arkitettoniku fi ħdan iż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, u tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-propjetarji.
Fil-fatt, il-finanzjament massimu għal kull benefiċjarju se jkun kif hekk:
• Sa €15,000 għal binjiet fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana;
• Sa €100,000 għal binjiet ta’ Grad 1 f'UCA;
• Sa €50,000 għal binjiet ta’ Grad 2 f'UCA.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex jippreserva l-identit? kulturali tal-komunitajiet tagħna, jippromwovi r-riġenerazzjoni urbana, u jagħti spinta lill-ekonomija lokali permezz ta’ investiment dirett fil-proprjetajiet u x-xogħlijiet tar-restawr.
Matul dawn l-aħħar 30 sena, l-Awtorit? tal-Ippjanar tat aktar minn €33 miljun fi skemi ta’ dan it-tip, jew simili u permezz ta’ din l-iskema, f’sitt xhur ser ikunu ngħataw €30 miljun oħra. Mill-2017 ’l hawn kien hemm aktar minn 4,000 sottomissjoni.
Din l-iskema hija miftuħa għal dawk li għandhom binjiet fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, u tapplika mhux biss għal residenzi privati iżda wkoll għal binjiet li jospitaw għaqdiet mhux governattivi, binjiet kummerċjali u knejjes li huma parti kruċjali fil-qalba ta’ kull komunit?.
Għal aktar dettalji u biex japplika wieħed jista’ jidħol fuq https://pa.org.mt/irrestawra-darek-u-lvillagg
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN