STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI U L-AKKOMODAZZJONI Investiment f’proġett ta’ tisbiħ u titjib ta’ 11-il blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Marsa
Fl-2026 l-Awtorità tad-Djar se twettaq titjib u tisbiħ fuq 62 blokka b'investiment ta' €3.6 miljun
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul żar ix-xogħlijiet ta' titjib u tisbiħ li għaddejjin f'żona ta' akkomodazzjoni soċjali fil-Marsa. Dan il-proġett fiż-żona ta' Marija Reġina qed isir b'investiment totali ta' madwar €680,000 u jinvolvi titjib fuq 11-il blokka residenzjali. B'kollox se jkunu qed jibbenefikaw minn dan it-titjib 57 familja.
Dan il-proġett se jinkludi manutenzjoni tal-faċċati tal-binjiet u xogħol u titjib tal-bjut. Fuq il-bjut saret sistema ta' waterproofing biex tkun evitata ħsara u jiġi aċċertat li l-binja tibqa' sigura. Qed issir ukoll manutenzjoni fil-komun ta' kull blokka.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li dawn il-proġetti ma jfissrux biss titjib infrastrutturali imma jfissru wkoll kwalità ta' ħajja aħjar għal mijiet ta' residenti, ambjent isbaħ u aktar nadif. “Dawn il-proġetti qed jagħtu dinjità u ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu f'diversi żoni f'Malta. Verament ħadt gost nara lir-residenti jesprimu sodisfazzjon għax-xogħol li qed isir u l-mod kif qed isir," qal Dr Ellul.
Fl-2025 sar xogħol simili fuq 79 blokka ta' appartamenti, 48 minnhom kienu parti mill-programm tas-sena l-oħra u 31 li komplew mill-2024. Flimkien dawn il-proġetti jammontaw għal investiment ta' madwar €4.3 miljun.
Din is-sena l-Awtorità tad-Djar se tlesti 62 blokka b'investiment ta' €3.6 miljun. Apparti dan, fl-2026 ukoll se jkun qed isir titjib u tisbiħ fuq 15-il blokka fiż-żona taċ-Ċawla, ir-Rabat Għawdex. Dan se jsir b'investiment ta' kważi €800,000.
“Inħares 'il quddiem biex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin nibdew xogħol ta' titjib fil-binjiet u l-ambjent fejn jgħixu mijiet ta' familji. Fil-fatt, mill-proġetti kollha li ser isiru din is-sena se jgawdu total ta' 530 familja f'disa' lokalitajiet – kemm Maltin kif ukoll Għawdxin," temm jgħid Dr Ellul.
Apparti dak tal-Marsa u taċ-Ċawla f'Għawdex se jsiru wkoll proġetti ta' titjib, manutenzjoni u tisbiħ f'Raħal Ġdid, Marsaskala, Santa Luċija, Ħ'Attard, il-Kalkara, Ħal Luqa u l-Gżira.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN