STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Il-Wirt tal-Ilma f’Malta bħala pilastru tas-sostenibbiltà enfasizzat fil-Konferenza Nazzjonali tal-Ilma
“Il-Wirt tal-Ilma f'Malta jirrifletti sekli sħaħ ta' bidliet, innovazzjoni u metodi ta' sostenn għal dir-riżorsa daqstant importanti. Il-ħarsien ta' dan ir-riżors jibqa' essenzjali biex inkomplu nsaħħu l-istrateġija nazzjonali tal-ilma tagħna u naħdmu biex niżguraw li jkollna sistemi aktar reżiljenti u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin," saħqet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika , Miriam Dalli waqt l-edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali tal-Ilma ta' din is-sena.
Il-Ministru kompliet tenfasizza l-importanza li l-wirt tal-ilma jiġi rikonoxxut mhux biss għall-valur kulturali, iżda wkoll bħala pilastru strateġiku li jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-gżejjer Maltin lejn futur aktar sostenibbli għall-komunità.
L-għan tal-konferenza hu li jiżdied l-għarfien storiku fuq il-prattiki kulturali marbuta mal-ilma li matul iż-żmien, sawru l-identità Maltija. Din il-konferenza, organizzata mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma bit-tema 'Il-Wirt tal-Ilma f'Malta', ħolqot spazju biex jiġu diskussi strutturi storiċi u prattiċi kulturali relatati mal-ilma li kkontribwew għall-identità Maltija u l-impatt tagħhom fuq politiki nazzjonali u futur sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Inġ. Sandro Lauri, tkellem fuq il-valuri personali u nazzjonali tal-istorja tal-ilma f'Malta, b'mod partikolari r-relazzjoni bejn pajjiżna u l-impatt tal-ilma fuq il-ħajja ta' kuljum, in-normi soċjali kif ukoll ir-reżiljenza nazzjonali.
“L-ilma minn dejjem kien aspett importanti għan-nazzjon tagħna. Anke qabel it-teknoloġija moderna li nafu biha llum, il-komunitajiet minn dejjem sabu mezz ta' kif jissalvagwardjaw din ir-riżorsa daqstant importanti. Is-sostenibilità minn dejjem kienet preżenti, u dan il-fattur ikompli jispirana biex inkomplu nimmaniġġjaw din ir-riżorsa b'mod aktar għaqli," saħaq Inġ. Lauri.
Il-konferenza tat importanza partikolari lill-wirt tanġibbli tal-ilma f'Malta permezz ta' interventi minn esperti dwar l-għejun tal-ilma, akwadotti storiċi u infrastruttura industrijali tal-ilma. Dawn l-elementi ħolqu kuxjenza fuq l-inġenjożità u l-kompetenza teknika li s-soċjetajiet tal-passat kellhom jużaw biex jimmaniġġjaw b'mod effettiv l-iskarsezza tal-ilma u r-riżorsi oħra limitati.
Il-wirt intanġibbli tal-ilma ġie indirizzat ukoll permezz ta' diskussjonijiet dedikati fuq leġġendi, ismijiet ta' postijiet u proverbji marbuta mal-użu tal-ilma f'Malta, li ħallew influwenza storika fuq l-identità Maltija, u t-tradizzjonijiet kulturali.
Permezz ta' din il-konferenza, l-Aġenzija affermat l-impenn tagħha lejn immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma ta' Malta, filwaqt li pprovdiet ukoll pjattaforma għal kollaborazzjoni. Il-Konferenza rriflettiet ukoll il-ħidma kontinwa tal-Aġenzija biex tgħaqqad il-wirt tal-ilma mal-protezzjoni ambjentali u l-ippjanar, bi ħsieb għal futur aktar reżiljenti u sostenibbli tal-gżejjer Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN