STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-Korpi Dixxiplinati jassistu fi kważi 700 inċident
Kważi każ kull ħames minuti
Fl-aħħar sigħat il-Korpi Dixxiplinati komplew jassistu f'diversi ċirkostanzi, hekk kif kien imbassar, fl-aħħar jiem pajjiżna intlaqat minn temp estrem, b'irjiħat li saħansitra laħqu l-Forza 9.
Mid-19 ta' Jannar sal-lum f'nofsinhar, il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati assistew fi ftit inqas minn 700 inċident. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assista f'502 każi li jvarjaw minn siġar li waqgħu, periklu kkawżat b'billboards, hazards elettriċi, nirien ta' karozzi u skart, tixrid ta' fjuwil u inċidenti oħrajn.
Il-Korp tal-Pulizija assista f'86 inċident li jvarjaw minn persuni maqbuda fil-karozza, karozzi li ġarrewhom l-ilmijiet, inċidenti marbuta ma' oġġetti, għamara, cables elettriċi u affarijiet oħrajn li spiċċaw mdendlin jew fit-toroq li kienu perikolużi, periklu marbut ma' siġar li waqgħu fuq il-karozza, kien hemm każijiet ukoll marbuta ma' materjal tal-kostruzzjoni, gallariji u anke ħġieġ imkisser.
Il-Forzi Armati ta' Malta filwaqt li assistew lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'numru ta' inċidenti, fejn tidħol ħidma marittima, jiġifieri marbuta primarjament ma' inċidenti fil-baħar, assistew f'erba' każijiet oħra. Il-LESA, assistiet f'74 inċident ta' kollużjonijiet.
It-Tnejn filgħaxija l-Gvern ħabbar numru ta' prekawzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet, dan filwaqt li l-Forzi Dixxiplinati kienu mħejjija biex jassistu għal kull eventwalità, flimkien ma' entitajiet u awtoritajiet oħra. Il-miżuri li tħabbru waslu għand is-soċjetà, li wassal biex filwaqt li rapporti ta' ħsarat kien hemm mijiet, ma kienx hemm inċidenti maġġuri jew fatali b'rabta mal-maltemp. In-numru ta' emerġenza 112, ukoll intuża b'mod responsabbli minn mijiet ta' persuni li ċemplu jew kellhom bżonn l-għajnuna.
Din il-ħidma kienet ikkumplimentata minn dik ta' bosta entitajiet oħra li fl-aħħar sigħat komplew jaħdmu biex iġibu s-sitwazzjoni għan-normal.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha li kienu u qegħdin ikunu ta' servizz għaċ-ċittadini, wera solidarjetà mal-familji kollha affettwati, man-negozji li ġarrbu ħsarat kawża tal-maltemp u tenna li ser jibqgħu jirċievu l-assistenza kollha meħtieġa. “Il-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, flimkien ma' ħafna ħaddiema minn entitajiet oħra, se jkunu qed ikomplu jaraw li nġibu s-sitwazzjoni għan-normal. Nibqa' nappella għar-responsabbiltà. Għad hemm perikli fit-toroq fil-kundizzjonijiet ta' bħalissa u għalhekk wieħed irid ikun attent u viġilanti."
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro appella biex jibqgħu jiġu evitati żoni kostali hekk kif minkejja li l-qawwa tar-riħ naqset, xorta waħda l-baħar għadu qawwi ħafna u perikoluż. Dan filwaqt li spjega li għadha għaddejja ħidma biex jitneħħew il-perikli u għalhekk kulħadd għandu jibqa' konxju ta' perikli li jista' jsib riżultat tal-maltemp. Tenna li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif jagħmel dejjem, ser jibqa' jassisti lil kull min ikun fil-bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN