STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Il-Fondazzjoni Kottonera se toffri trasport b’xejn għall-ħarġiet tat-tfal tal-iskejjel primarji tal-Kottonera
Il-Fondazzjoni Kottonera se tkun qed tagħmel tajjeb għall-ħlas ta' trasport ta' ħarġiet għat-tfal tal-iskejjel primarji pubbliċi tal-Kottonera. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi, fil-preżenza tal-kapijiet tal-iskejjel u l-prinċipal tal-kulleġġ, is-sindki tal-lokalitajiet rispettivi u kunsilliera responsabbli mill-edukazzjoni u s-segretarji eżekuttivi tal-istess kunsilli lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva li permezz tagħha se jgawdu t-tfal tal-Kottonera u l-ġenituri jew dawk responsabbli mill-ħarsien tagħhom. Qalet kif apparti n-numru ta' attivitajiet kulturali, restawr u inizjattivi oħra li qed tieħu ħsieb din il-fondazzjoni minn żmien għal żmien, il-fondazzjoni qed tagħti s-sehem tagħha fil-ħajja soċjali u edukattiva tal-istess Kottonera, bħalma hi din l-inizjattiva tal-lum.
“Il-Fondazzjoni Kottonera llum il-ġurnata ħadet irwol ċentrali fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Kottonera, fejn minn żmien għal żmien qed naraw diversi inizjattivi kulturali iżda wkoll oħrajn li għandhom l-għan li jkomplu jgħollu 'l fuq il-Kottonera bħala destinazzjoni ta' attrazzjoni f'Malta," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija rringrazzjat ukoll lill-edukaturi kollha li jagħmlu parti mill-iskejjel tal-Kottonera għall-ħidma tagħhom.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi tenna li din l-inizjattiva hi ntiża sabiex jittaffew xi ftit l-ispejjeż għall-ġenituri tat-tfal tal-iskejjel primarji. Qal kif il-fondazzjoni dejjem qed tieħu aktar irwol importanti fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Kottonera. “Fl-aħħar sitt snin, kemm ilha mwaqqfa din il-Fondazzjoni, dejjem rajna li n-nies tal-Kottonera jgawdu minn kull tip ta' inizjattiva jew attività li ntellgħu. Iżda wkoll maż-żmien rajna li nkunu ta' wens soċjali għal dak li jkun permezz ta' diversi inizjattivi soċjali b'waħda minn dawn tkun din tat-trasport b'xejn għall-istudenti għall-ħarġiet li dawn ikollhom minn żmien għal żmien," qal Joe Mizzi. Huwa temm jgħid li l-Fondazzjoni Kottonera, id f'id mal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera u l-għaqdiet, se tibqa' tkun hemm għan-nies tal-Kottonera.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita, Daniela Zammit laqgħet din l-inizjattiva filwaqt li rringrazzjat lill-Fondazzjoni Kottonera u qalet li permezz ta' dan se jkunu qed jibbenefikaw bosta tfal minn din l-inizjattiva sabiex ikomplu jimirħu u jedukaw ruħhom permezz anke ta' ħruġ edukattiv organizzat mill-iskejjel.
L-iskejjel li se jgawdu minn dan il-benefiċċju huma l-iskola tal-Birgu, ta' Bormla, tal-Isla, u tal-Kalkara, li lkoll jagħmlu parti mill-istess kulleġġ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN