STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Jitħabbru numru ta’ miżuri b’rabta ma’ tbassir ta’ temp estrem
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Kenneth Haber u Lt Colonel Amadeo Busuttil mill-Forzi Armati ta’ Malta, ħabbar numru ta’ prekawzjonijiet b’rabta mat-twissijiet li fis-sigħat li ġejjin pajjiżna ser jintlaqat minn temp estrem.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li filwaqt li qegħdin jiġu komunikati numru ta’ miżuri, kulħadd għandu jieħu l-prekawzjonijiet li jista’ jieħu biex jiġu evitati perikli żejda.
Ġie spjegat li dan kollu qiegħed isir fl-isfond li l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li bħal dejjem ikunu f’kuntatt dirett mal-awtoritajiet, qiegħed ibassar li huwa mistenni li mis-sigħat li ġejjin sa għada wara nofsinhar pajjiżna se jkun qed jintlaqat minn irjiħat qawwija li saħansitra ser jilħqu l-Forza 9. Is-sitwazzjoni mistennija tibda tmur għall-agħar mil-lejla u tibqa’ sejra hekk sal-16:00hrs ta’ għada t-Tlieta 20 ta’ Jannar. Mistennija wkoll ħalbiet ta’ xita bis-sajjetti u anke ħalbiet ta’ silġ. Bit-twissija hija biex għada tul il-jum, min m’għandux bżonn joħroġ, ma joħroġx.
Il-Ministru Byron Camilleri kkomunika wkoll numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu bħala Gvern abbażi ta’ dan it-tbassir:
Għada, it-Tlieta 20 ta’ Jannar:
• Ħareġ komunikat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li dawk il-ġenituri li jagħżlu li ma jibagħtux it-tfal l-iskola, ser ikunu skużati. L-iskejjel ser jiftħu b’mod normali, ħlief l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar u l-Iskola Primarja tal-Qawra kif ikkomunikat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni minħabba l-ammont kbir ta’ ħaddiema Għawdxin, iżda qed nagħmluha ċara li dawk il-ġenituri li jagħżlu li t-tfal jibqgħu d-dar ser ikunu skużati.
• Dan ser japplika ukoll għaċ-ċhildcare centres, jiġifieri dawk il-ġenituri li jagħżlu li ma jibagħtux it-tfal iċ-childcare, ser ikunu skużati.
• Il-ġabra tal-iskart tal-borża s-sewda għada mhux ser issir u għalhekk ħadd m’għandu joħroġ il-borża tal-iskart tul il-jum ta’ għada. Dan biex jiġi evitat diversi skart itir fit-toroq li jista’ jkun perikoluż.
• F’diskussjoni li kellna mal-Kap tas-Servizz Pubbliku, ġie deċiż li dawk il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom jippermetti li jsir b’mod remot huma mħeġġa li għada jaħdmu mid-dar.
• Il-Ministeru tal-Enerġija informa li il-floating storage unit tal-LNG, kif jiġri dejjem skont il-proċeduri stabbiliti, it-tanker tal-gass tmexxa għall-pożizzjoni ta’ irmiġġ aktar sigura.
• Is-servizz tal-Gozo Channel ser ikun sospiż fil-ħin li ġej minħabba l-maltemp.
Il-Ministru tenna li “L-uffiċjali tal-Korpi Dixxiplinati qegħdin hawn jakkumpanjawni għaliex bħal dejjem il-membri tal-Korpi Dixxiplinati jkunu hawn lesti biex jiggwidaw u jassistu. Primarjament huwa l-irwol tal-Protezzjoni Ċivili, kif mistenni minnhom u anke urew diġà fl-aħħar jiem, jassistu wkoll il-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta anke mill-aspett marittimu.”
Il-Ministru kkonkluda li r-responsabbiltà titlob li nagħmlu dan l-appell u li nieħdu dawn il-prekawzjonijiet filwaqt li appella biex ma jittiħdux riskji żejda biex kemm jista’ jkun ma jkollnhiex inċidenti li jistgħu jiġu evitati. Appella wkoll biex wieħed jagħmel kuntatt ma’ persuni vulnerabbli jew anzjani li wieħed ikun jaf biex jiġi assigurat li dan il-messaġġ wasal għandhom ukoll.
“Irrid nagħmel ukoll appell ieħor. Fis-sigħat li ġejjin agħtu ċempila lil persuni li tafu li forsi huma vulnerabbli, jew anzjani li jiġu minnkom jew tafu, biex tassiguraw li jkun wasal għandhom dan il-messaġġ u li jieħdu huma wkoll il-prekawzjonijiet.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro appella biex wieħed ma jitlax ineħħi affarijiet minn fuq il-bejt jew minn postijiet li jistgħu jkunu perikolużi ladarba issa beda l-maltemp għaliex jaf ikun iżjed ta’ periklu, filwaqt li appella biex wieħed juża biss in-numru tal-emerġenza 112, f’każijiet li verament jirrikjedu assistenza b’emerġenza filwaqt li ta serħan il-moħħ li bħala Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ser jassistu bl-aħjar mod possibbli lil dawk kollha fil-bżonn.
Bl-istess messaġġ sostnieh id-Deputat Kummissarju Kenneth Haber li spjega li l-Korp tal-Pulizija huwa ppreparat ukoll u ser jiddaħħlu aktar uffiċjali mis-soltu, f’pożizzjonijiet strateġiċi biex jassistu bl-aħjar mod.
Min-naħa tiegħu Lt Colonel Amadeo Busuttil mill-Forzi Armati ta’ Malta spjega li ħadd m’għandu jersaq lejn il-kosta u li hekk kif il-maltemp beda, wieħed m’għandux imur jorbot jew jirranġa l-bċejjeċ tal-baħar f’dan l-istadju.
L-entitajiet rispettivi ser ikomplu jaġġornaw b’miżuri kif meħtieġa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN