STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Imniedi s-servizz ta’ Renal Unit f’San Vinċenz de Paul
Il-Ministru Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea nedew l-ewwel servizz tad-dijaliżi f'San Vinċenz de Paul, b'dan se jkun l-ewwel Renal Unit barra mill-Isptar Mater Dei.
Ġie spjegat kif dan il-proġett, b'investiment ta' €380,000, se joffri kura essenzjali lill-pazjenti ta' aktar minn 60 sena li jbatu minn mard tal-kliewi u li jkollhom bżonn dijaliżi regolari, kemm jekk huma residenti ta' San Vinċenz de Paul, kif ukoll anzjani li jgħixu fil-komunità. Ir-Renal Unit jinkludi 6 magni tad-dijaliżi b'waħda minnhom se tkun qed tintuża bħala back-up f'każ ta' emerġenza.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif dan is-servizz issa huwa disponibbli f'San Vinċenz stess mingħajr skumdità li l-pazjent jkollu jivvjaġġa biex jingħata l-kura neċessarja. Qal li huwa stmat li jibdew isiru sa 70 sessjoni ta' dijaliżi fil-ġimgħa.
“Illum qed naraw it-tnedija tal-ewwel minn tlett proġetti marbuta mal-kura tad-dijaliżi. Il-mira tagħna hi, li fi żmien li ġej, jibda jingħata dan is-servizz miċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran kif ukoll mit-tramuntana ta' Malta. Kif imħabbar fil-Budget, dan hu l-ewwel pass li eventwalment se jwassal biex is-servizz jespandi għal proġett ta' 18-il magna fix-xhur li ġejjin. Kommessi li nkomplu noffru l-aqwa kura lil pazjenti tagħna fil-qalba tal-komunità," temm jgħid Dr Abela.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea tenna l-importanza li aktar servizzi, anki dawk speċjalizzati ħafna bħalma hija d-dijaliżi, jersqu viċin iċ-ċittadini anzjani. “Huwa għalhekk essenzjali li bħala Gvern inkomplu noffru dejjem aktar opportunitajiet, servizzi u faċilitajiet ġodda ħalli l-anzjani tagħna jgħixu din il-fażi ta' ħajjithom b'aktar kumditajiet," temm jgħid Dr Agius Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN