STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika tal-Prestazzjoni: A strategic evaluation of Malta’s Smart Specialisation Strategy for Research and Innovation
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta l-istudju hawn fuq imsemmi lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia. Din il-verifika tal-prestazzjoni eżaminat il-ġestjoni strateġika tal-iSmart Specialisation Strategy (S3) ta' Malta, rigward il-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni. Din l-Istrateġija bħalissa hija mmexxija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, bl-għajnuna ta' Xjenza Malta speċjalment fil-monitoraġġ tal-Istrateġija. Ir-Rapport jiddiskuti kif il-mekkaniżmi ta' governanza, koordinazzjoni u evalwazzjoni tal-Istrateġija, jgħinu sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu bbażati fuq firxa aktar wiesgħa ta' informazzjoni u b'motivazzjoni għal aktar innovazzjoni.
L-S3 ta' Malta hija ġeneralment allinjata mal-prijoritajiet tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. L-arranġamenti ta' governanza juru impenn ċar għal ġestjoni inklużiva u parteċipattiva, b'mod partikolari permezz tat-Thematic Area Committes (TACs). Dawn il-Kumitati kienu ġeneralment magħmula minn rappreżentanti minn diversi oqsma bħan-negozju, il-gvern, akkademja u kif ukoll is-soċjetà ċivili.
Madankollu, din il-Verifika identifikat ukoll limitazzjonijiet sistemiċi li jxekklu l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Istrateġija. In-nuqqas ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni dettaljati, li jinkludu metriċi ta' prestazzjoni sodi u finanzjament ċar, wassal għal sfidi konsiderevoli biex wieħed jevalwa eżattament x'kienu r-riżultati tal-Istrateġija s'issa. Għalkemm l-Istrateġija tindika l-impenn qawwi ta' Malta biex tinkorpora prinċipji ta' smart specialisation fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-artikolazzjoni limitata ta' kif l-objettivi strateġiċi jwasslu għal riżultati miżurabbli, affettwat il-pass kif ukoll il-koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-S3.
Konsegwentement, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ressaq għadd ta' rakkomandazzjonijiet maħsuba biex isaħħu l-infrastruttura istituzzjonali tal-S3, jirrinforzaw il-kapaċitajiet analitiċi u ta' previżjoni, u jtejbu l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-informazzjoni relevanti tiġi sistematikament inkorporata fid-deliberazzjoni strateġika.
Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN