Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Investiment bla preċedent fl-agrikoltura Maltija permezz ta’ fondi Ewropej

pr260052
Date Icon 15/01/2026

Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali flimkien mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jikkonfermaw l-impenn kontinwu tal-Gvern li jpoġġi lill-bidwi Malti u Għawdxi fiċ-ċentru tal-politika u l-investiment agrikolu, permezz ta’ użu effettiv u responsabbli tal-fondi Ewropej.

Matul l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2022 (RDP), Malta ħadmet b’mod proattiv biex tiżgura li ebda fond Ewropew ma jintilef u li l-bdiewa eliġibbli kollha jibbenefikaw mill-appoġġ disponibbli. Fejn kien meħtieġ, ġew riallokati fondi lejn miżuri ta’ interess akbar, dejjem fl-aħjar interess tal-bdiewa u tas-settur. Dan wassal sabiex, grazzi għall-koordinazzjoni kontinwa bejn ż-żewġ ministeri, ġew utilizzati b’suċċess il-fondi kollha disponibbli għall-bdiewa.

Bejn Jannar 2023 u Diċembru 2025, Malta implimentat kemm l-RDP kif ukoll il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni 2023-2027 (CAP SP), sabiex ikun garantit sapport kontinwu lir-raħħala u l-bdiewa lokali. 

Sal-aħħar tal-2025, l-RDP appoġġja 258 proġett immexxija direttament mill-bdiewa taħt Miżura 4, b’pagamenti li laħqu €24.3 miljun. Barra minn hekk, aktar minn 500 proġett imwettqa mill-bdiewa diġà ġew iffinanzjati taħt il-CAP SP, b’sejħiet ġodda mnedija u oħrajn skedati fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Gvern investa wkoll €6.3 miljun f’bdiewa żgħażagħ taħt l-RDP, b’finanzjament ekwivalenti taħt il-CAP SP. Għall-ewwel darba, l-allokazzjoni massima għal bdiewa żgħażagħ żdiedet minn €70,000 għal €100,000 għal kull bidwi, skont il-limiti massimi permessi mir-regolamenti Ewropej.

Fil-qasam tat-taħriġ u s-servizzi ta’ pariri, ġew allokati aktar minn €800,000, li ppermettew madwar elfejn sessjoni ta’ taħriġ u pariri bla ħlas lill-bdiewa. Dawn in-numri mistennija jiżdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu tal-CAP SP 2023-2027.

Barra minn hekk, 19-il produttur lokali li jaħdmu fuq prodotti agrikoli Maltin irċevew €5.86 miljun f’appoġġ, filwaqt li l-bdiewa gawdew €27.6 miljun f’pagamenti bbażati skont il-qies tar-raba’, inkluż appoġġ għal kundizzjonijiet ġeoklimatiċi diffiċli u miżuri ambjentali.

Mill-2016 ’l hawn, 100% tal-applikazzjonijiet eliġibbli ta’ investiment fuq irziezet u dawk ta’ bdiewa żgħażagħ ġew approvati u ffinanzjati, u l-baġit kollu disponibbli għall-bdiewa ġie utilizzat. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda każ fejn proġetti eleġibbli ma ġewx ffinanzjati minħabba nuqqas ta’ fondi.

L-istess miżuri li temmew il-perjodu tal-RDP issa qed jirċievu allokazzjonijiet ġodda sal-2029, b’sejħiet li diġà ġġeneraw investiment ta’ aktar minn €15-il miljun.

Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali jirrimarka ukoll li d-deċiżjonijiet meħuda dwar l-orjentazzjoni tal-investiment lejn interventi ta’ afforestazzjoni u spazji ħodor kienu bbażati fuq sejħa ċara mill-pubbliku għal aktar aċċess għan-natura, kif rifless f’stħarriġ tal-Eurobarometru u f’konsultazzjonijiet pubbliċi nazzjonali. 

Il-Programm ta’ finanzjament tal-RDP sa mill-bidu tiegħu kien jinkludi allokazzjonijiet speċifiċi mmirati lejn it-titjib u l-aċċessibbiltà ta’ spazji ħodor, sabiex jindirizza b’mod bilanċjat kemm il-ħtiġijiet tas-settur agrikolu kif ukoll l-aspett ambjentali u soċjali, b’rispons għar-realtajiet u l-prijoritajiet nazzjonali. Dan ma ħalla l-ebda ambjent negattiv fuq il-bdiewa, peress li l-applikazzjonijiet kollha eliġibbli għall-finanzjament agrikolu ġew appoġġjati u ffinanzjati bis-sħiħ.

Il-Gvern jibqa’ determinat li jkompli jinvesti fis-settur agrikolu, mhux biss bħala pilastru ekonomiku, iżda wkoll bħala element essenzjali għall-ambjent, is-sigurtà alimentari u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow