STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Upgrade maġġuri ta’ €9 miljun fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Imsida
Miexi x-xogħol fuq upgrade maġġuri fiċ-ċentru ta' distribuzzjoni (DC) tal-Imsida, b'investiment ta' €9 miljun. Dan l-investiment għandu l-għan li jsaħħaħ b'mod sinifikanti s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f'Malta.
Dan il-proġett ġie diskuss waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava.
Iċ-Ċentru tad-distribuzzjoni tal-Imsida huwa wieħed mill-aktar ċentri importanti fil-pajjiż, billi jipprovdi l-elettriku lil postijiet strateġiċi bħall-Isptar Mater Dei, l-Università ta' Malta, kif ukoll lil-lokalitajiet tal-madwar fosthom Swatar, Birkirkara u San Ġwann.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett jaħdem id f'id mal-pjan fit-tul ta' disa' snin li bih il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ u jimmodernizza s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Hi spjegat li x-xogħlijiet fl-Imsida huma ffukati fuq ir-rinfurzar tan-network tal-elettriku u l-irduppjar tal-kapaċità. L-investiment ta' €9 miljun se jiżgura li dan iċ-ċentru kruċjali jkun ippreparat għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.
Min-naħa tiegħu, l-Inġ. Ryan Fava spjega li l-proġett qed jiġi ffinanzjat parzjalment minn fondi tal-Unjoni Ewropea u jinvolvi tibdil komplet tal-infrastruttura eżistenti. Is-switchgear li ilu jintuża kważi 40 sena qed jiġi sostitwit b'apparat modern, filwaqt li t-transformers eżistenti ta' 15MVA qed jiġu upgraded għal 30MVA. Dan se jwassal biex il-kapaċità totali tiżdied minn 30MVA għal 60MVA.
Il-proġett jinkludi wkoll is-sostituzzjoni tal-apparat qadim tal-11kV, 33kV u tagħmir awżiljarju ieħor. Dawn l-investimenti li jagħmlu parti mill-pjan ta' 9 snin tal-Enemalta, se jkomplu jsaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku f'Malta u Għawdex, u jikkontribwixxu għal sistema aktar b'saħħitha, effiċjenti u sostenibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN