STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI, MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI
Flotta ta’ erba’ vapuri tal-passiġġieri u vapur tal-merkanzija għall-pjan fit-tul għal konnettività bejn iż-żewġ gżejjer
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri; il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett ħabbru pjan fit-tul għall-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer. Permezz ta’ studju li beda f’Novembru 2023, ġie mfassal pjan għall-effiċjenza fit-trasport bejn iż-żewġ gżejjer. Permezz ta’ dan il-pjan sal-2029 se jkun hemm 4 vapuri tal-passiġġieri u vapur għall-ġarr tal-merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer.
L-għan ewlieni ta’ dan il-pjan huwa li jkollna flotta li tilħaq id-domanda meħtieġa biex nassiguraw reżiljenza fit-tul għall-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer. Permezz ta’ studju li sar irriżulta l-ħtieġa ta’ vapur ġdid kbir ta’ 250 karozza biex jintuża għal waqt perijodi fejn id-domanda tkun għolja, kif ukoll vapur ġdid ieħor iżgħar li jesa’ 75 karozza biex jilqa’ għal meta d-domanda tkun baxxa. Dan minbarra t-tliet vapuri eżistenti li jesgħu 150 karozza li se jsir retrofitting tagħhom. Se jkun hemm ukoll vapur li se jintuża għal ġarr tal-merkanzija bejn il-Freeport, il-Port il-Kbir u Għawdex.
Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tiġi appuntata ditta internazzjonali ta’ arkitettura navali biex jitfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tal-vapuri. Se titnieda wkoll task force għall-infrastruttura tal-port tal-Imġarr. Il-proġett, minbarra l-infrastruttura tal-port tal-Imġarr, mistenni jkun ta’ €130 miljun. L-operat taż-żewġ vapuri ġodda mistenni jibda fil-bidu tal-2029.
Il-Ministru Silvio Schembri qal, “L-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer dejjem qed jiżdied u għaldaqstant is-servizz ta’ trasport bejn iż-żewġ gżejjer irrid jirrifletti din ir-realtà u jrid jibqa’ reżiljenti. Dan il-pjan jimxi pass pass ma’ Viżjoni Malta 2050, b’enfażi lejn tkabbir sostenibbli, titjib fl-infrastruttura u l-iżvilupp urban. B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nattiraw aktar xogħol ta’ kwalità lejn Għawdex u nippromwovu l-identità unika Għawdxija.”
Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Illum nedejna pjan għas-snin li ġejjin fejn tidħol l-aċċessibbiltà, bil-fatti, fit-tul, għall-gżira t’Għawdex. Kif fil-passat saħħaħna l-aċċessibbiltà t’Għawdex kemm permezz tal-vapuri tal-Gozo Channel kif ukoll permezz tal-Fast Ferry, illum qed inħarsu lil hinn minn hekk permezz tax-xiri ta’ żewġ vapuri ġodda, xiri ta’ vapur li se jkun qiegħed jesa’ 250 karozza kif ukoll vapur iżgħar, ser inkunu qegħdin nimmiraw u nilqgħu għall-peak periods meta jkun hemm bżonn tali bastimenti. Permezz ta’ din il-flotta ġdida se jkun hemm ukoll traġitti tal-cargo bejn il-Port tal-Imġarr u l-Freeport u anke Ras Ħanżir. Dan qed isir bi pjan sabiex fil-futur, fis-snin twal li ġejjin inkunu qegħdin naħsbu għall-aċċessibbiltà ta’ Għawdex anke bil-mod ta’ kif ukoll ser ikun qed jikber anke bħala trasport, bħala numri lejn din il-gżira. Is-suċċessi qegħdin niksbuhom u issa sta għalina wkoll li naħsbu ħalli fil-futur dawn is-suċċessi jkunu jistgħu jibqgħu jinkisbu b’din l-aċċessibbiltà li hija vitali għal gżira bħalma hi Għawdex.”
Il-Ministru Chris Bonett qal li l-Ministeri ħadmu flimkien b’sinerġija biex jitfassal pjan li jtejjeb il-konnettività bejn Għawdex u Malta. “Bil-pjan Reshaping our Mobility qed nimplimentaw ukoll miżuri li jorganizzaw aħjar it-trasport f’pajjiżna u l-proposta ta’ cargo ferry tfisser tnaqqis ta’ 11,000 vjaġġ mit-toroq Maltin li jsiru b’vetturi kummerċjali t’aktar minn 12-il metru. Dan il-vjaġġ huwa maħsub li jitlaq mill-Freeport u l-Port il-Kbir sabiex inaqqas il-pressjoni minn fuq iċ-Ċirkewwa, itejjeb l-operat loġistiku tal-kumpaniji tal-merkanzija u jnaqqas l-konġestjoni u t-tniġġis f’żoni urbani ġewwa Malta.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN