STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Imniedi servizz ġdid tal-ematoloġija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar it-tnedija tal-klinika tal-ematoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Din il-klinika bdiet topera fid-9 ta’ Jannar 2026, u b’hekk immarkat pass importanti fl-għoti ta’ kura speċjalizzata għall-pazjenti tal-ematoloġija li jgħixu f’Għawdex. Il-Ministru Abela qal kif l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz jirrappreżenta avvanz sinifikanti, peress li qabel l-introduzzjoni tiegħu, il-kliniċi tal-ematoloġija għall-pazjenti residenti f’Għawdex kienu jsiru fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) f’Malta.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif fl-2025, ġew irreġistrati 180 każ ġdid ta’ ematoloġija u 737 pazjent Għawdxi niżlu Malta għall-appuntament tal-ematoloġija fis-SAMOC. “Dan juri b’mod ċar il-valur li jkollok servizzi ta’ ematoloġija disponibbli f’Għawdex, bil-għan li jitnaqqas il-piż fuq il-pazjenti u l-qraba tagħhom,” tenna Dr Abela.
Ġie spjegat kif il-klinika bħalissa qed topera fuq bażi ta’ darba fix-xahar, bl-intenzjoni li tiżdied il-frekwenza skont id-domanda għas-servizz u l-kapaċità disponibbli. Din l-inizjattiva hija allinjata mill-qrib mal-istrateġija wiesgħa tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex jissaħħu u jitwessgħu s-servizzi tal-onkoloġija u tal-ematoloġija, bil-għan li titjieb l-aċċess għall-kura eqreb lejn id-dar fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Abela qal kif dan l-iżvilupp jibni fuq sensiela ta’ titjib relatat mal-onkoloġija li ġie implimentat fl-Isptar t’Għawdex matul dawn l-aħħar snin, inkluż l-introduzzjoni ta’ terapiji orali tal-onkoloġija, l-espansjoni gradwali tal-aġenti tal-kimoterapija li jingħataw lokalment, u l-introduzzjoni tas-servizz tal-cold cap fl-2025. Tenna kif il-pjanijiet futuri jinkludu t-twaqqif ta’ Aseptic Unit fuq il-post, li se tippermetti l-għoti tal-kimoterapija fl-Isptar t’Għawdex.
“B’mod kollettiv, dawn l-inizjattivi jirriflettu impenn sostnut u strateġiku biex titjieb il-kwalità tal-kura relatata mal-kanċer f’Għawdex, filwaqt li jitnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq il-pazjenti u l-familji tagħhom,” temm jgħid Dr Abela.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN