STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA: It-transizzjoni ta' Malta lejn l-enerġija rinnovabbli tirrappreżenta viżjoni, kollaborazzjoni u determinazzjoni – il-Ministru Miriam Dalli
“Fl-2024 Malta triplikat is-sehem tal-enerġija rinnovabbli u rreġistrat wieħed mill-akbar żidiet sena wara sena fost l-Istati Membri tal-UE. B'viżjoni, kollaborazzjoni u determinazzjoni, anke l-iżgħar pajjiżi jistgħu jkunu mexxejja fit-transizzjoni globali tal-enerġija," sostniet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
Waqt is-16-il sessjoni tal-Assemblea tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), il-Ministru Dalli spjegat kif Malta qed tavvanza l-politika, l-infrastruttura u l-innovazzjoni, b'enfasi fuq iż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-titjib tal-interkonnettività u titjib tan-netwerk tal-elettriku.
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-Politika Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinovabbli Offshore tistabbilixxi żoni marittimi għall-iżvilupp ta' proġetti tar-riħ u tax-xemx, flimkien ma' benefiċċji mmirati biex jiġi attirat l-investiment. Hija kompliet tispjega kif pajjiżna qed jaħdem lejn l-iżvilupp tal-ewwel wind farm offshore f'baħar fond lil hinn mit-12-il mil nawtiku, b'kapaċità sa 320 MW, li se sservi bħala mudell fuq livell reġjonali.
Hija semmiet ukoll li pajjiżna qed jinvesti f'Sistemi ta' Ħażna tal-Enerġija bil-Batteriji fuq skala kbira u fit-tisħiħ tan-netwerk sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-intermittenza u jiġi żgurat sehem ogħla ta' enerġija rinovabbli fil-gżejjer Maltin. Kompliet li t-tieni interconnector se jirdoppja l-kapaċità tagħna tal-enerġija tal-UE, se jsaħħaħ l-użu tal-enerġija rinovabbli u se jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tan-netwerk.
“Sal-2030 nimmiraw li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'41% meta mqabbla mal-livelli tal-2005 u li nżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal madwar 25%. Il-viżjoni tagħna hija li noħolqu impjiegi sostenibbli, npoġġu lil Malta bħala mexxejja fl-enerġija sostenibbli u nsaħħu l-kollaborazzjoni reġjonali lejn l-iżvilupp ta' hub Mediterranju għall-enerġija l-ħadra," qalet il-Ministru Dalli, filwaqt li fakkret li Malta, permezz tal-konferenza tal-MED9, ġabet flimkien għall-ewwel darba lid-disa' Stati Membri Mediterranji tal-UE biex tibni dan il-hub.
“It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u IRENA jippermetti lill-aġenzija tikkontribwixxi għat-twessigħ ta' din il-viżjoni kif imfassla waqt il-konferenza tal-MED9. Il-kollaborazzjoni bejn Malta u IRENA qed tkompli tissaħħaħ sena wara sena u din is-sena kburin li ġejna magħżula bħala wieħed mill-faċilitaturi tad-diskussjonijiet ewlenin li jiffukaw fuq aċċess akbar għall-enerġija rinnovabbli," sostniet Dr Dalli.
F'kummenti lill-midja internazzjonali, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li minkejja r-restrizzjonijiet ġeografiċi uniċi ta' pajjiżna u d-disponibbiltà limitata tal-art, il-progress ta' Malta huwa mmexxi mill-innovazzjoni u d-determinazzjoni. “Il-Gvern qed jipprijoritizza b'mod strateġiku l-enerġija rinnovabbli offshore, b'mod partikolari l-enerġija offshore mir-riħ li jżomm f'wiċċ il-baħar, bħala pilastru ewlieni tat-transizzjoni. Dawn il-proġetti offshore huma maħsuba biex jikkumplimentaw l-investiment kontinwu f'soluzzjonijiet solari fuq is-soqfa u dawk innovattivi mill-enerġija tax-xemx, billi jimmassimizzaw dak li jista' jiġi implimentat b'mod realistiku fuq il-gżejjer Maltin," sostniet il-Ministru Dalli.
L-Assemblea tal-IRENA laqqgħet flimkien ministri, uffiċjali għolja u rappreżentanti minn 139 pajjiż u l-Unjoni Ewropea biex jinħoloq futur sostenibbli tal-enerġija u jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-kollaborazzjoni internazzjonali.
Ritratt: MEEC
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN