Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Wara s-suċċess kbir tal-programm 'Milied f'Għawdex', jitħabbar il-programm 'Inħobbok Valentine's in Gozo 2026', l-ewwel attivitajiet għal din is-sena

PR260017
Date Icon 08/01/2026


Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar il-programm 'Inħobbok Valentine's in Gozo 2026', li se jittella' bejn il-31 ta' Jannar u l-14 ta' Frar 2026, b'għadd ta' attivitajiet mifruxa madwar diversi lokalitajiet Għawdxin.

“Dan il-programm isegwi s-suċċess rekord li kellna fi żmien il-festi tal-Milied, kif wegħedna m'aħniex se nieqfu hawn u għaddejjin b'ħidma u sforzi kontinwi sabiex inkomplu nżidu t-turiżmu fix-xhur li tradizzjonalment kienu jkunu relattivament kwieti. B'dan il-mod qed jirnexxilna nagħmlu lil Għawdex l-għażla naturali u gżira ta' kull staġun. Din kienet waħda mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Għawdex Gżira ta' Villaġġi u qed nuru bil-fatti kif qegħdin nimplimentawha fil-prattika," stqarr il-Ministru Camilleri.

Huwa kompla jispjega li ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma' Jum San Valentinu f'Għawdex, li issa saru sinonimi ma' din il-gżira, se jibdew bil-kunċert popolari Għawdex #Inħobbok, din id-darba bi spettaklu minn The Travellers u se jibqgħu għaddejjin b'numru ta' attivitajiet kulturali relatati ma' dan il-perjodu tas-sena. Dawn l-elementi kollha jingħaqdu biex jiċċelebraw l-imħabba fil-forom kollha tagħha.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-attivitajiet imħejjija għal din is-sena huma mfassla biex jilqgħu lil kulħadd, koppji, familji u ħbieb, u jistiednu lill-pubbliku jimraħ fil-pjazez u fit-toroq tal-irħula Għawdxin. “Minn kunċerti għal swieq tal-artiġjanat, minn esperjenzi gastronomiċi għal attivitajiet fil-villaġġi, kull avveniment għandu l-għan li jagħti gost u jħalli memorji sbieħ lil kull min iżurna u jipparteċipa," żied jgħid il-Ministru.

Huwa fakkar ukoll fil-ħidma li saret matul dawn l-aħħar snin biex jissaħħaħ il-kalendarju kulturali tal-gżira u biex tingħata pjattaforma soda u ġenwina lill-artisti. “Kburin li x-xogħol li wettaqna qed jagħti l-frott. Il-Belt Kapitali tagħna, ir-Rabat, ġiet magħżula fil-lista finali biex issir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031, pass li huwa xhieda tat-talent u l-impenn tal-komunità kreattiva tagħna," sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lil kulħadd biex ikompli jiskopri s-sbuħija, il-kreattività u l-esperjenzi uniċi li Għawdex għandu x'joffri matul dan il-perjodu speċjali tas-sena.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jżur https://eventsingozo.com/valentines-in-gozo-2026/

Ritratt: MGP

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Wara s-suċċess kbir tal-programm 'Milied f'Għawdex', jitħabbar il-programm 'Inħobbok Valentine's in Gozo 2026', l-ewwel attivitajiet għal din is-sena
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow