STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Investiment biex jitjiebu s-servizzi għas-sajjieda permezz ta’ sistemi ta’ ATM moderni fil-portijiet ewlenin
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ħabbret investiment ieħor fil-portijiet ewlenin tas-sajd sabiex ikomplu jitjiebu s-servizzi għas-sajjieda permezz ta’ sistemi ta’ ATM moderni.
Ġie spjegat li ġew installati tliet ATMs ġodda u moderni fil-Pixkerija, fil-Veċċja f’San Pawl il-Baħar, u f’Marsaxlokk fil-Hard Standing. Permezz ta’ dan l-investiment, is-sajjieda issa għandhom aċċess għal servizz effiċjenti u sigur li jippermettilhom jiddepożitaw kreditu direttament fil-kont tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu mis-service pillars, fi kwalunkwe ħin, b’mod faċli, 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.
Dawn is-sistemi huma parti minn bidla usa’ lejn diġitalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi. Permezz tagħhom, is-sajjieda m’għadhomx marbuta ma’ sigħat tal-uffiċċju jew ma’ proċeduri kumplessi, iżda jistgħu jwettqu t-tranżazzjonijiet tagħhom b’mod sempliċi u gwidat, permezz ta’ istruzzjonijiet ċari fuq l-iskrin sakemm jitlesta l-proċess b’mod sħiħ.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat, “Dan l-investiment ta’ aktar minn €80,000 mhux biss ifisser teknoloġija ġdida, iżda jfisser servizz aħjar u aktar effiċjenti għas-sajjieda tagħna. Bl-installazzjoni ta’ tliet ATMs ġodda qed niżguraw li s-sajjieda jkollhom aċċess 24 siegħa kuljum għal servizz sigur u faċli. Aħna impenjati li nkomplu npoġġu lis-sajjieda fiċ-ċentru tal-politika tagħna, intejbu s-servizzi pubbliċi u nibnu settur tas-sajd aktar modern u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għas-Servizzi, Dennis Sciberras, qal “Bħala Dipartiment, il-prijorità tagħna hi li nipprovdu servizz prattiku u adattat għar-realtajiet ta’ kuljum tas-sajjieda. L-introduzzjoni ta’ dawn l-ATMs moderni hija pass ieħor konkret fid-direzzjoni t-tajba, fejn qed innaqqsu l-burokrazija u niffaċilitaw il-proċessi ta’ kuljum. Se nibqgħu naħdmu mill-qrib mas-sajjieda sabiex nisimgħu l-bżonnijiet tagħhom u nkomplu ntejbu l-operat tagħna, b’rispett lejn dan is-settur tradizzjonali li għandu rwol importanti fl-ekonomija u fil-wirt marittimu ta’ pajjiżna.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN