STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ikompli jissaħħaħ l-investiment fil-qalba tal-irħula: Xogħol ta’ tisbiħ fi Pjazza Narbona f’Ħal Qormi
Fl-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq xogħlijiet ta' tisbiħ fi Pjazza Narbona, f'Ħal Qormi, b'investiment ta' madwar €500,000.
Dan ix-xogħol kien jinkludi l-preparazzjoni ta' bażijiet għal 22 arblu tad-dawl u kważi 500 metru ta' trinek biex minnhom jingħaddew il-cables neċessarji għall-installazzjoni tad-dawl fil-Pjazza, madwar il-knisja u fuq iz-zuntier. Apparti minn hekk, dan ix-xogħol kien jinkludi wkoll it-twettiq ta' kważi 500 metru kwadru ta' bankini ġodda, kif ukoll madwar żewġ kilometri kwadri ta' wiċċ ġdid ta' asphalt.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi assista wkoll lill-Parroċċa, permezz ta' servizzi professjonali ta' periti u inġiniera, biex tiġi rrestawrata l-koppla tal-knisja ta' San Sebastjan, kif ukoll issir installazzjoni ta' dawl artistiku ġdid.
Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia spjega, “Dan l-investiment b'saħħtu fil-qalba tal-lokalità ta' Ħal Qormi huwa maħsub li ser ikompli joħloq ambjent isbaħ, iktar sigur u aċċessibbli għar-residenti kif ukoll biex inkomplu nagħtu l-ħajja l-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna." Huwa kompla li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jwettaq din il-ħidma id f'id mar-residenti kif ukoll ma' diversi għaqdiet volontarji u ekkleżjastiċi.
Is-Sindku ta' Ħal Qormi, Josef Masini Vento spjega li bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokal twettaq proġett olistiku għar-residenti.
L-Inġinier Mario Sammut irrimarka li x-xogħol olistiku kien jikkonsisti fit-tneħħija ta' cables tal-elettriku u t-tħaffir ta' trinek ġodda biex jgħaddu dawn il-cables, kif ukoll kważi 2,000 metru kwadru ta' asfalt ġdid.
L-Arċipriet tal-Parroċċa ta' San Sebastjan, Dun Ewkarist Zammit, qal kif bl-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, minbarra dan il-proġett, li minnu ser tibbenefika l-Parroċċa, id-Dipartiment ser ikun qiegħed jaħdem fuq ir-riġenerazzjoni taz-zuntier kif ukoll tas-sala tal-istess Parroċċa.
Dan l-investiment hu wieħed minn sensiela ta' xogħlijiet li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq b'sinerġija mal-kunsilli lokali, liema investiment u sinerġija, ser tkun qiegħda tissaħħaħ għall-ġid tal-lokalitajiet u l-komunitajiet tagħna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN