Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Jitħallas l-ewwel pagament tal-COLA addizzjonali

PR252287
Date Icon 18/12/2025

€26.5 miljun oħra fil-bwiet tan-nies

Madwar 97,000 familji bit-tfal, koppji u persuni waħidhom, fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja għall-2026, imħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Bejniethom ser jirċievu €26.5 miljun u b'hekk qed titwettaq miżura oħra tal-Budget 2026.

Il-pagament li qed isir dil-ġimgħa jkopri l-ewwel nofs tal-2026.  Huwa stmat li bit-tieni pagament f'Ġunju li ġej u b'xi benefiċjarji ġodda li jiżdiedu, il-ħlasijiet totali mistennija jilħqu aktar minn €54 miljun fuq sena sħiħa.

Il-benefiċċju jitħallas lil dawk il-familji u persuni waħidhom li d-dħul nett tagħhom ma jaqbiżx id-dħul medjan nazzjonali ekwivalizzat, li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għal familja b'persuna waħda jlaħħaq €20,430. Il-limitu tad-dħul ivarja skont id-daqs tal-familja fejn għal koppja bla dipendenti dan huwa ta' €30,465 filwaqt li għal familji bit-tfal dan ma jridx jaqbeż il-€50,000.

Il-pagamenti annwali jvarjaw minn €200 sa €1,500. Ir-rati li jitħallsu jitqiesu skont id-dħul nett tal-familja kif ukoll skont l-għadd ta' persuni fil-familja.

Madwar 45% tal-benefiċjarji huma persuni singoli. Dawn jammontaw għal 44,000 persuna bl-ogħla rata annwali li qed jirċievu tlaħħaq €681, bl-anqas waħda tkun ta' €200. Il-kumplament tal-benefiċjarji – li jgħoddu madwar 53,000 – huma koppji bla dipendenti jew familji bit-tfal. Il-benefiċċji tagħhom ivarjaw minn €326 sa €1,500.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon sostna li minn dan il-benefiċċju qed igawdu kemm persuni u familji f'riskju ta' faqar jew vulnerabbli kif ukoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà. Fil-fatt madwar 55% tal-benefiċjarji mhumiex f'riskju ta' faqar għax għandhom dħul ekwivalizzat li hu ogħla mill-livell tar-riskju tal-faqar iżda jiġu megħjuna xorta għax id-dħul huwa anqas mill-medjan nazzjonali.

Il-Ministru Falzon qal li dan il-benefiċċju beda jingħata lejn l-aħħar tal-2022 biex flimkien mas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jagħmel tajjeb kontra l-isfida tal-inflazzjoni u baqa' jingħata anke jekk dan issa normalizzat. Żied jgħid li bil-pagament ta' din il-ġimgħa l-ħlasijiet f'dawn it-tliet snin fuq dan il-benefiċċju biss telgħu għal €128 miljun.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow