STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta tittrippla s-sehem tagħha ta’ enerġija rinnovabbli f’10 snin, tilħaq 17.2% fl-2024
Malta laħqet 17.2% tal-bżonnijiet tal-enerġija tagħha minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fl-2024, Ii jimmarka żieda ta' iktar minn żewġ punti perċentwali meta mqabbel mas-sena ta' qabel, skont figuri maħruġa mill-Eurostat.
Il-figuri juru żieda kostanti u b'saħħitha fl-aħħar deċennju fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal Malta. Fl-2014, is-sorsi rinnovabbli ammontaw għal ftit inqas minn 5% tat-taħlita tal-enerġija, li jfisser li f'dawn l-aħħar għaxar snin dan is-sehem ittrippla.
B'17.2%, Malta llum tikklassifika aħjar minn numru ta' stati membri oħra tal-UE, inkluż l-Irlanda (16.1%), il-Lussemburgu (14.7%), u l-Belġju (14.3%), waqt li tqarreb il-figuri tal-Polonja b'17.8%. Madwar il-pajjiżi tal-UE, l-Iżvezja kellha l-ogħla sehem ta' enerġija rinnovabbli b'62.8%, segwita mill-Finlandja (52.1%) u d-Danimarka (46.8%). Il-medja tal-UE kienet ta' 25.2% fl-2024.
Malta rreġistrat ukoll waħda mill-akbar żiedet minn sena għall-oħra fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fost l-istati membri. B'żieda ta' 1.8% fuq is-sena ta' qabel, kienu biss erba' pajjiżi li rreġistraw titjib aqwa minn dan; il-Latvja (+2.3%), l-Olanda (+2.6%), id-Danimarka (+3.0%), u l-Litwanja (+3.5%).
Din iż-żieda li rnexxielha tirreġistra Malta, minkejja l-limitazzjonijiet ġeografiċi u d-daqs tagħha, tirrifletti l-impenn tal-pajjiż biex inaqqas id-dipendenza fuq sorsi li mhux rinnovabbli ta' enerġija. Dan it-titjib wasal fost l-oħrajn grazzi għall-inċentivi finanzjarji, skemi ta' sapport u inizjattivi mmirati lejn it-tranżizzjoni għal enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli laqgħet b'sodisfazzjon dawn ir-riżultati, u nnutat kif Malta tinsab fi triqtha biex tilħaq il-miri tagħha tal-enerġija rinnovabbli. Indikat kif dan il-progress huwa grazzi għall-isforzi kollettivi tal-entitajiet fi ħdan il-Ministeru, li huma responsabbli għad-disinn u l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi ta' sapport, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-interess f'dawn l-iskemi.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) Sandro Lauri saħaq fuq l-irwol tal-Aġenzija fis-sapport lill-Ministeru fl-iżvilupp tal-politiki u l-miżuri biex iħeġġu l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli. Dawn l-isforzi huma mifruxa kemm fuq is-settur domestiku, kif ukoll dak industrijali u tas-servizzi, u jinkludu sapport għall-pannelli fotovoltajċi, solar water heaters, heat pump water heaters u sistemi ta' ħażna tal-batteriji, u huma mfassla b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' entitajiet oħra fi ħdan l-istess Ministeru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN