STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Adegwatezza u sostenibbiltà fil-pensjonijiet Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ir-Rapport tal-2025 tal-Grupp
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ir-Rapport tal-2025 tal-Grupp ta’ Strateġija għall-Pensjonijiet.
Ir-rapport tal-grupp, immexxi mis-Segretarju Permanenti Mark Musu, jagħmel parti mir-reviżjoni legali ta’ kull ħames snin tal-pensjonijiet f’Malta, li tiffoka fuq l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà soċjali.
Ir-reviżjoni qed issir fi żmien ta’ bidliet demografiċi rapidi: il-fertilità naqset għal 1.06 waqt lit-tul mistenni tal-ħajja qed ikompli jiżdied, u b’hekk il-popolazzjoni qed tixjieħ aktar malajr. Sal-2070, il-persuni ta’ 65 sena jew iżjed mistennija jilħqu 33.6% tal-popolazzjoni, waqt li l-Old Age Dependency Ratio, fi kliem ieħor il-proporzjon ta’ pensjonanti mal-ħaddiema, mistenni jirdoppja sa 45 sena oħra. Dan filwaqt li l-pajjiż ra bidliet ’il quddiem fis-settur tax-xogħol fosthom rati rekord ta’ impjiegi, parteċipazzjoni akbar tan-nisa u żieda fil-ħaddiema barranin.
Ir-riformi reċenti — inkluż il-mod kif tiżdied il-pensjoni annwalment, limiti ogħla ta’ dħul pensjonabbli inkluż għal dawk imwielda qabel l-1962, krediti ta’ kontribuzzjonijiet aktar b’saħħithom u t-titjib fil pensjonijiet minimi — tejbu l-adegwatezza b’madwar 5 punti perċentwali.
L-inċentiv sabiex persuna tirċievi żieda addizzjonali fil-pensjoni sa massimu ta’ 29% jekk tagħżel li tibqa’ taħdem u tieħu l-pensjoni aktar tard attira kważi 7,900 persuna mill-2016 ’l hawn. Dan kollu wassal sabiex il-projezzjonijiet fit-tul qed juru li s-sostenibbiltà tjiebet ukoll, bil-punt meta l-infieq jibda jiżboq lid-dħul, li qabel kien stmat li se jiġri fl-2051, issa mexa lil hinn 3 snin għall-2054.
Filwaqt li ma hemm ikkontemplata ebda żieda la fl-età tal-irtirar u lanqas fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, il-Grupp ta’ Strateġija għall-Pensjonijiet jenfasizza diversi kwistjonijiet strutturali li jeħtieġu aktar analiżi, fosthom l-irwol tal-migrazzjoni, il-kompożizzjoni tal-pagi, il-kwalità tal-impjiegi, l-impatt tat-trobbija tat-tfal, il-parteċipazzjoni fil-pensjonijiet privati, l-allinjament tal-Livell Minimu Garantit tal-Pensjoni u l-policies favur il-fertilità.
Il-pubbliku huwa mistieden jagħti r-rispons tiegħu fuq 14-il mistoqsija bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika bejn it-Tnejn 5 ta’ Jannar u l-Ġimgħa 3 ta’ April 2026. Dan se jgħin lill-Grupp ifassal ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar id-direzzjoni futura tas-sistema tal-pensjonijiet f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN