STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Concrete Sustainability: Materials and Structures 2025 – Konferenza li ppreżentat skoperti u soluzzjonijiet innovattivi fit-teknoloġiji tal-konkrit b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, strateġiji ta’ riċi
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri fetaħ il-workshop li sar f'Għawdex bħala parti mill-konferenza CSMS 2025 (Concrete Sustainability: Materials and Structures). Din il-konferenza internazzjonali hija organizzata sabiex tavvanza l-għarfien, l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni sostenibbli.
Il-konferenza hija organizzata mill-Grupp ta' Ricerka dwar Materjali tal-Kostruzzjoni u Monitoraġġ Strutturali fil-Fakulta tal-Ambjent Mibni, fl-Università ta' Malta, flimkien mal-FIB (International Federation for Structural Concrete). L-avveniment laqqa' flimkien riċerkaturi, inġiniera u professjonisti tal-industrija ewlenin, u ffoka fuq l-aħħar żviluppi kemm fir-riċerka fundamentali kif ukoll f'dik applikata dwar materjali bbażati fuq is-siment, teknoloġiji avvanzati ta' kostruzzjoni u disinn strutturali sostenibbli.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Il-konkrit u l-użu tal-materjal li qabel konna nużaw bħala skart, illum il-ġurnata dawn il-materjali qegħdin jiġu valorizzati bħala materjal ta' valur miżjud meta jiġu użati flimkien mat-taħlita biex jiġi ffurmat il-konkrit. Aktar minn hekk ukoll, permezz tat-tali materjali, tar-riċerka intensiva li ssir ukoll kemm mill-Università ta' Malta kif ukoll minn professuri internazzjonali wieħed jista' joħloq konkos li jkun b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju li juża anqas enerġija. Konkrit fl-aħħar mill-aħħar ukoll li jkollu karatteristiċi aktar f'saħħithom, karatteristiċi ta' durabilità anki fl-ambjent Malti. Huwa kompla jgħid li għaldaqstant hu importanti li r-riċerka tibqa' għaddejja b'mod partikolari fejn jidħol il-materjal tal-kostruzzjoni sabiex proprju nkunu nistgħu nutilizzaw anki materjali li nikkunsidrawhom bħala skart li jkunu jistgħu jiġu integrati f'din it-teknoloġija."
Min-naħa tiegħu l-Professur Ruben Paul Borg, l-organizzatur ta' din il-konferenza stqarr li r-riċerka avvanzata fl-Università ta' Malta qed turi kif il-konkrit b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju huwa soluzzjoni sabiex innaqqsu l-impatti ambjentali b'mod wiesa' filwaqt li jintuża materjal ta' skart. Tkellem dwar it-trasferiment li qed isir mir-riċerka għall-Industrija għal strutturi akbar resiljenti u durabilità.
Waqt l-istess konferenza, il-Professur Kamal Khayat, pijunier globali fix-xjenza tal-konkrit u figura ewlenija fl-iżvilupp tas-self-consolidating concrete qasam l-esperjenza u l-għarfien tiegħu f'dan il-qasam. Il-kontribut tiegħu bidel b'mod fundamentali l-prattiki tal-kostruzzjoni madwar id-dinja, billi ttejbu s-sigurtà, l-effiċjenza u d-durabbiltà.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Perit Edward Scerri mill-Gozo Business Chamber li tkellem dwar il-ħtieġa għall-kostruzzjoni sostenibbli.
B'enfasi qawwija fuq it-tnaqqis tal-impatt ambjentali fil-bini, CSMS 2025 li hija r-raba' konferenza fis-serje ta' konferenzi CSMS f'Malta, preżentat skoperti u soluzzjonijiet innovattivi fit-teknoloġiji tal-konkrit b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, strateġiji ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid bil-għan li jinħolqu strutturi durabbli u reżiljenti.
CSMS isservi ta' pjattaforma għall-qsim ta' riċerka avvanzata, l-esplorazzjoni ta' applikazzjonijiet industrijali u t-tisħiħ ta' sħubijiet globali, fit-tranżizzjoni lejn prattiki aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi madwar id-dinja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN