STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal: Inrawmu l-Imħabba għall-Qari
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, permezz tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu għaddej jimplimenta l-inizjattiva “Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal/Books Are Children's Friends" matul din is-sena skolastika 2025–2026. Din l-inizjattiva hija maħsuba għall-istudenti tal-iskejjel primarji kollha u f'dan iċ-ċiklu qed jitqassmu kotba adattati skont l-età tal-istudenti tal-ewwel sena. Kull tifel u tifla qed jirċievu kotba kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, biex jiġu sostnuti fl-ewwel passi tagħhom fil-qari u l-bilingwiżmu, u jibdew jew ikomplu jibnu l-librerija personali tagħhom.
Waqt żjara li għamel fis-Seminarju tal-Arċisqof, f'Tal-Virtù', ir-Rabat, fil-Librerija tal-Primarja, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qassam kotba lill-istudenti, parti minn din l-inizjattiva. Wara li qassam il-kotba, l-Ministru Grima dar ukoll uħud mill-klassijiet tal-ewwel sena. Il-Ministru Grima flimkien mal-Ambaxxaturi tal-Qari Carlos Farrugia, Ruth Frendo, Saviour Darmanin u Joe Grech, qraw siltiet mat-tfal biex iqajmu fihom l-entużjażmu għar-rakkonti u l-istejjer, b'hekk ħolqu atmosfera ta' tagħlim divertenti mill-qari.
“B'din l-inizjattiva qed nolqtu diversi miri. Qed inrawmu l-imħabba lejn il-qari, ngħinu lit-tfal tagħna jibnu librerija fid-djar tagħhom u wkoll nuruhom kif il-qari jiftaħ orizzonti ġodda li jiswew għall-futur tagħhom," qal il-Ministru Grima.
Din l-inizjattiva hija maħsuba għall-istudenti tal-iskejjel primarji kollha u f'dan iċ-ċiklu qed jitqassmu kotba adattati skont l-età tal-istudenti tal-ewwel sena. Kull tifel u tifla qed jirċievu kotba kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, sabiex jiġu sostnuti fl-ewwel passi tagħhom fil-qari u l-bilingwiżmu, u jibdew jew ikomplu jibnu l-librerija personali tagħhom.
Minn mindu ġiet imnedija din l-inizjattiva f'Diċembru 2023, b'impenn imħabbar fil-Manifest Elettorali, l-inizjattiva kompliet tikber u testendi l-firxa tagħha. Sal-lum, aktar minn 27,000 tifel u tifla li jattendu skejjel statali, tal-Knisja u indipendenti mill-ewwel sas-sitt sena bbenefikaw minn din l-iskema, b'aktar minn 108,000 ktieb imqassma madwar il-pajjiż kollu. Dan l-investiment kontinwu jsaħħaħ ir-rwol essenzjali tal-litteriżmu fil-mixja edukattiva tat-tfal.
Matul is-sena skolastika 2025–2026, l-inizjattiva Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal se tkompli tilħaq lill-istudenti tal-ewwel sena madwar Malta u Għawdex, fi sforz biex naċċertaw li t-tfal ikollhom aċċess għal materjal ta' qari ta' kwalità u li jrawwem il-kurżità, l-immaġinazzjoni u l-apprezzament dejjiemi għall-kotba.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN