STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport fuq Verifika tal-Prestazzjoni: Home-based medical and clinical services for the Elderly
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-President tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farruġia r-rapport dwar l-awditu ta' prestazzjoni hawn fuq imsemmi.Dan l-awditu sar bħala parti minn inizjattiva paralella internazzjonali li qed teżamina l-preparazzjoni tal-Gvernijiet għall-popolazzjoni li hija kkunsidrata li qed tixjieħ. Erba' flussi tax-xogħol kienu stabbiliti, bl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ta' Malta jagħżel li jiffoka fuq is-servizzi mediċi u kliniċi pprovduti mill-Gvern lil persuni ta' 60 sena 'l fuq fid-djar tagħhom.
L-awditu kkonferma li firxa wiesgħa ta' servizzi mediċi u kliniċi qed jingħataw mill-Gvern lill-individwi ta' 60 sena 'l fuq f'Malta. Madankollu, l-istruttura deċentralizzata li minnha dawn is-servizzi jiġu mogħtija tista' toħloq kumplessitajiet evitabbli għal pazjenti anzjani biex jinnavigaw din is-sistema. L-NAO jinnota li, minkejja l-livell ta' żvilupp ta' dawn is-servizzi matul is-snin, dawn xorta jeħtieġu aktar operazzjonalizzazzjoni permezz ta' għanijiet aktar ċari, pjanijiet definiti u baġits speċifiċi fi ħdan l-istrateġiji nazzjonali rilevanti, sabiex jissaħħu u jikkonsolidaw aktar, partikolarment permezz ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-entitajiet involuti.
Ir-Rapport jenfasizza li, għalkemm il-biċċa l-kbira ta' dawn is-servizzi esperjenzaw żieda fl-użu tagħhom matul il-perjodu studjat minn dan l-awditu, għad hemm skop sostanzzjali għal adozzjoni usa' minn individwi li għandhom 60+. L-NAO però ma jistax jesprimi tħassib materjali dwar dan il-fatt fil-kuntest speċifiku ta' Malta, partikolarment meta wieħed jikkunsidra l-aċċessibbiltà bla xkiel taċ-ċentri tas-saħħa fil-komunità, id-disponibbiltà ta' servizzi oħra ta' appoġġ, kif ukoll il-preferenzi tal-utenti. Madankollu, in-nuqqas ta' studji u projezzjonijiet tal-użu jillimita b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-entitajiet responsabbli li jallinjaw il-provvista tas-servizzi mad-domanda li qed tevolvi. L-NAO jinnota li dan kollu potenzjalment jaffettwa l-puntwalità, il-kwalità u s-sostenibbiltà fit-tul ta' dawn is-servizzi.
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-prattiċi ta' kif jinżammu rendikonti finanzjarji mill-entitajiet involuti mhumiex neċessarjament mistennija li jkunu kompletament u immedjatament allinjati mal-iskop ta' dan l-awditu, l-NAO jinnota li bosta entitajiet ma setgħux jiffiltraw jew jestrattaw b'mod faċli dejta finanzjarja għall-analiżi tiegħu. Din il-limitazzjoni tqajjem tħassib rigward l-adegwatezza tas-sistemi ta' ġestjoni u rappurtar ta' din id-dejta, speċjalment fil-kuntest li dawn jistgħu iservu ta' inputs ċentrali għal strateġija. Dan isir iktar pressanti meta tiġi kkunsidrata li n-nefqa totali tas-saħħa ta' Malta hija relattivament aktar baxxa meta mqabbla ma' pajjiżi Ewropej oħra.
Nuqqasijiet ta' riżorsi umani, flimkien man-nuqqas ta' dejta relatata li tista' tiġi ffiltrata b'mod faċli u li tkun kompilata b'mod komprensiv, joħloq aktar riskji għall-provvista tas-servizzi, partikolarment fir-rigward tal-puntwalità u/jew il-kopertura ġenerali tagħhom. Dawn in-nuqqasijiet fid-dejta jistgħu ukoll ikunu problematiċi meta din l-informazzjoni tkun meħtieġa bħala input għal żvilupp tas-servizzi li jħares 'il quddiem, eżerċizzji ta' tkabbir tal-kapaċità u l-kompilazzjoni ta' strateġiji futuri.
Dan l-Uffiċċju huwa tal-opinjoni li l-entitajiet governattivi li jipprovdu servizzi mediċi u kliniċi fid-dar għandhom isaħħu l-koordinazzjoni, il-komunikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni. Dan jista' jinkludi ħolqien ta' proċessi ta' riferiment aktar definiti jew li possibilment iwassal għal approċċ ta' one-stop-shop li jkopri l-entitajiet kollha involuti. Parallelament, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jista' jikkunsidra l-iżvilupp ta' strateġija speċifika għas-servizzi fid-dar biex tiġi żgurata kollaborazzjoni bla xkiel u użu effettiv tar-riżorsi.
Minħabba l-indikaturi ċari ta' żieda fid-domanda, l-NAO jirrakkomanda li strutturi ta' ġestjoni tal-informazzjoni jiġu msaħħa sabiex jippermettu aħjar li dejta finanzjarja u operattiva (inklużi livelli ta' ingaġġar ta' professjonisti mediċi u kliniċi) li tkun faċilment estrattabbli u kompilata b'mod komprensiv. Din id-dejta se sservi bħala input kruċjali għall-istrateġija jekk il-provvista kontinwa u l-iżvilupp akbar ta' dawn is-servizzi (possibilment permezz ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-entitajiet involuti) għandhom jiġu kkunsidrati fit-tul, u/jew jiġu rrikonoxxuti aktar bħala kunċett indipendenti fi ħdan is-sistema tas-saħħa nazzjonali.
Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b'mod komprensiv f'dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-Uffiċċju. Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN