Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI: Tibdil f’seba’ entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi

PR252253
Date Icon 15/12/2025


Il-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex titnaqqas il-burokrazija, jagħmel użu aktar effiċjenti mir-riżorsi disponibbli u jissimplifika l-operat ta' diversi entitajiet li jaqgħu taħtu.

Wara reviżjoni interna tal-funzjonijiet u r-rwol ta' diversi entitajiet li nħolqu matul is-snin – ħafna drabi biex jindirizzaw realtajiet speċifiċi ta' dak iż-żmien – il-Ministeru evalwa kif dawn jistgħu jintegraw ruħhom aħjar mal-ħtiġijiet tal-lum. Dan kollu qiegħed isir b'mod strateġiku u skont il-viżjoni fit-tul tal-Gvern kif imfassla fil-Malta Vision 2050, li għandha l-għan li tinkoraġġixxi aktar effiċjenza, aġilità u koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Waqt business breakfast, ġiet imnedija formalment entità l-ġdida l-Malta Investments & Economic Advisory (MIEA), li tirriżulta mill-fużjoni bejn Malta Government Investments (MGI), Malta Investments Management Company Ltd (MIMCOL) u Malta Strategic Partnership Projects (MSPP).

Il-MIEA se tkun qed issaħħaħ ukoll ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ tal-Intrapriżi tal-Istat, sabiex jiġu identifikati r-riskji minn kmieni u tissaħħaħ it-trasparenza, peress li l-MIEA hija l-azzjonist prinċipali ta' diversi kumpaniji fosthom Gozo Channel, Malta Dairy Products u MATTS.

 Barra minn hekk, bħala parti minn dan il-proċess, Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Streteġiċi, Silvio Schembri, ħabbar iktar tibdiliet f'diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru:

 • L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani issa ġie integrat bħala parti mill-Malta Business Registry (MBR) biex jissaħħu s-sinerġiji fl-oqsma tal-governanza tan-negozji u l-monitoraġġ tal-investiment dirett barrani.

 • eSkills Malta Foundation, li kellha rwol fil-promozzjoni ta' ħiliet diġitali, ġiet assorbita mil-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) biex tinħoloq strateġija diġitali integrata aktar robusta.

 • L-RGF (Responsible Gaming Foundation) ser tiġi assorbita mill-Malta Gaming Authority (MGA) sabiex tissaħħaħ l-integrità u l-konsistenza fir-regolamentazzjoni tal-logħob responsabbli.

 • Il-kumpanija Projects Plus Ltd ser tiġi xolta u fl-istess waqt il-proġetti u l-ħaddiema ser jiġu assenjati fi bnadi oħra tal-amministrazzjoni pubblika. Dan kollu qed isir bil-għan li l-istat Malti jkun aktar effiċjenti, proattiv u koordinat. Mhux biss qed innaqqsu d-dupplikazzjoni, iżda qed nagħtu ħajja ġdida lill-funzjonijiet li jiffurmaw parti integrali mill-viżjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri tenna li “dawn it-tibdiliet kuraġġjużi qegħdin inaqqsu l-ispejjeż tal-operat. Il-ħidma tagħna hija waħda kontinwa sabiex intejbu kif taħdem l-amministrazzjoni pubblika. B'din ir-razzjonalizzazzjoni, qed nindirizzaw il-bżonn li jkollna istituzzjonijiet b'aktar kjarezza fir-rwol tagħhom, b'aktar effiċjenza, b'ġestjoni aħjar tar-riżorsi u b'servizz li jpoġġi liċ-cittadini u lin-negozji fil-qalba tal-ħidma tal-Gvern."

Il-Ministru Silvio Schembri irringrazzja liċ-Chairperson attwali is-Segretarju Permanenti, is-Sur Ronald Mizzi għall-ħidma u d-dedikazzjoni kbira li wera matul dan il-proċess, u fl-istess waqt, awgura liċ-Chairperson il-ġdid ta' din l-entità is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, is-Sur Godwin Mifsud.

Is-Segretarju Premanenti tal-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, qal “Il-Malta Vision 2050, sabiex tirnexxi, teħtieġ istituzzjonijiet li jaħdmu b'mod intelliġenti, b'għarfien, b'għodda analitika, u b'ħila li jfasslu politika li tħares 'il quddiem għal ħafna snin. L-MIEA se tkun għodda kruċjali f'dan kollu billi żżewweġ flimkien l-ħsieb analitiku, il-governanza soda, u t-twellid ta' proġetti strateġiċi."

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIEA, Karl Azzopardi, qal li din l-entità għandha mandat aktar ċar u kapaċitajiet aktar b'saħħithom, u se tkun f'pożizzjoni aħjar biex tappoġġja l-objettivi ekonomiċi u strateġiċi fit-tul ta' Malta. Huwa qal li dan ma kienx sempliċiment tibdil fl-isem. Il-MIEA qed tkompli wkoll testendi r-rwol tagħha billi toffri servizzi korporattivi ċentralizzati lil entitajiet pubbliċi, kunsilli lokali u Intrapriżi tal-Istat. Dawn is-servizzi jinkludu kontabilità, proċessi ta' xiri u pagi, appoġġ fir-riżorsi umani, konformità, appoġġ legali u marketing. Permezz ta' dawn is-servizzi, l-operat fis-settur pubbliku jsir aktar trasparenti, aktar konformi u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Il-Ministeru jibqa' kommess li jkompli jmexxi proċessi ta' modernizzazzjoni li jservu bħala pedament għall-ekonomija kontemporanja li tħares 'il quddiem, kompetittiva u b'saħħitha għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada.

Ritratt: MEEP

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI: Tibdil f’seba’ entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow