Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu jagħmlu taħriġ f'prattiċi inklussivi għal persuni għomja u b'vista baxxa

pr252240
Date Icon 12/12/2025


Malta Visual Non-Visual Network, f'kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qed toffri programmi ta' taħriġ għal ħaddiema fit-turiżmu u fl-ospitalità, biex jgħinuhom joħolqu esperjenzi inklussivi għal persuni għomja u b'vista baxxa, f'servizzi turistiċi u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ippreżenta ċertifikati ta' taħriġ lill-impjegati ta' ME Melia f'San Ġiljan, waħda mill-ewwel lukandi li pprovdiet dan it-tagħlim lill-impjegati tagħha, flimkien mal-Preluna Hotel, f'Tas-Sliema, u l-Euro Club Hotel, fil-Qawra.

Malta Visual Non-Visual Network (VNVN) hija organizzazzjoni volontarja impenjata li tqajjem kuxjenza dwar l-inklużjoni ta' persuni għomja jew b'vista baxxa. Bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, din l-organizzazzjoni qed tikkoordina l-proġett “Meet and Greet Compliments", li jinkludi taħriġ lill-impjegati fl-industrija tat-turiżmu u tal-ospitalità. Waqt dawn il-lezzjonijiet, il-ħaddiema jiltaqgħu mal-membri tal-VNVN biex jitgħallmu kif jilqgħu u jgħinu lill-klijenti għomja jew b'vista baxxa, b'pariri prattiċi bħal kif għandhom jingħataw deskrizzjonijiet ċari, l-użu ta' mapep li jistgħu jinqraw billi jintmessu, mezzi oħra ta' kif jiġu mmarkati l-ispazji fil-kmamar, u sistemi oħra ta' aċċessibbiltà.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg faħħar lill-VNVN u lill-Awtorità għal din il-kollaborazzjoni, filwaqt li rringrazzja lin-negozji li qed jingħaqdu f'din l-inizjattiva. “F'dan l-ambjent ta' taħriġ, il-membri tal-VNVN u l-impjegati fl-ospitalità jistgħu jifhmu lil xulxin aħjar, hekk kif jidentifikaw titjib tanġibbli biex jagħmlu l-istabbilimenti tagħhom aktar inklussivi – u b'hekk flimkien jiżguraw li r-residenti u t-turisti għomja jew b'vista baxxa jħossuhom tassew milqugħin fil-lukandi u l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb tagħna."

Is-Segretarja Internazzjonali tal-VNVN, Bridget Micallef, irringrazzjat lill-lukandi li qed jipprovdu dan it-taħriġ lill-impjegati tagħhom. “Meta persuni għomja jidħlu f'lukanda jew fir-ristoranti, nistennew li nsibu ħaddiema li jirrispettawna u jagħmlulna l-esperjenza sigura, komda u pjaċevoli. Pereżempju, ċerti modi kif jisserva l-ikel, bħal servizzi fejn tagħżel u timla l-platt tal-ikel int stess (self-service), mhumiex dejjem adattati għalina, u jkollna bżonn aktar għajnuna."

Il-VNVN joffri wkoll sessjonijiet ta' taħriġ simili lill-ħaddiema f'oqsma oħra, bħall-ħwienet, trasport, servizzi tas-saħħa, postijiet reliġjużi u banek, spjega l-fundatur tal-organizzazzjoni, Noel Farrugia. “Permezz tal-inizjattiva Meet and Greet Compliments, persuni li huma għomja jew b'vista baxxa jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għal soċjetà aktar inklussiva – f'dan il-każ, it-taħriġ qed jgħinhom isibu aktar appoġġ meta jżuru lukandi jew stabbilimenti oħra simili," hu qal.

Iċ-Chairman tal-Paceville Town Centre Management, Philip Fenech, laqa' din l-inizjattiva, li qed iżżid l-eċċellenza fis-servizz, billi tixpruna lill-industrija sabiex tħejji s-servizzi tagħha b'mod adekwat għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità.

Waqt l-attività, id-Deputat Prim Ministru Borg ta wkoll rigal lil Lee Abela, wieħed mill-iżgħar membri attivi tal-Visual Non-Visual Network, li wkoll qed jipparteċipa fis-sessjonijiet ta' taħriġ.

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva Meet and Greet Compliments u Visual Non-Visual Network tista' tinkiseb billi tintbagħat email fuq info@visualnonvisualnetowrk.org

Ritratti (ODPM-MFT)

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu jagħmlu taħriġ f'prattiċi inklussivi għal persuni għomja u b'vista baxxa
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu jagħmlu taħriġ f'prattiċi inklussivi għal persuni għomja u b'vista baxxa
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow