STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U DRITTIJIET TAT-TFAL Jibda jitwettaq il-Budget 2026: Aktar minn €26 miljun f’benefiċċji lil 61,200 familja fi tmiem il-ġimgħa
Daħlu fis-seħħ l-ewwel 6 miżuri minn 53 miżura li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, għandu xi jwettaq mill-Budget 2026. Dawn il-miżuri jolqtu lil familji bi tfal taħt is-sittax-il sena, familji li qed jiffosterjaw, u koppji u persuni singoli bi dħul baxx.
Dan ifisser li fi tmiem din il-ġimgħa ser ikunu tqassmu aktar minn €26 miljun f'benefiċċji lil 61,200 familja.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif dawn il-pagamenti qed isiru bil-quddiem, kif ilu jsir għal dawn l-aħħar 12-il sena u jkopru l-ewwel kwart tal-2026.
“Qed naraw kif l-investiment fiċ-Children's Allowance rdoppja tul l-aħħar 12-il sena, dan għaliex verament nemmnu fil-familji tagħna, u rridu naraw lil kulħadd jikseb il-potenzjal tiegħu. Fil-fatt, l-akbar investiment jolqot 42,000 familja b'62,200 tifel u tifla taħt is-sittax-il sena li jirċievu ċ-Children's Allowance," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
It-titjib f'dan il-benefiċċju jolqot l-aktar 10,800 familja bi 15,670 tfal taħt is-sittax-il sena, li d-dħul disponibbli tagħhom huwa relattivament baxx jew medju, u għalhekk iħallsu l-anqas taxxa jew ma jħallsux taxxa. Għalhekk biex tingħata aktar għajnuna lil dawn il-familji żidna b'€2,566 għal €30,000 l-limitu tad-dħul nett li jistabbilixxi r-rati li huma ogħla mir-rata bażika. Dawk il-familji li d-dħul tagħhom jaqbeż dan l-ammont, għalkemm xorta se jibqgħu jgawdu ċ-Children's Allowance (li fil-każ tagħhom fl-aħħar 4 snin żdiedet b'€590 kull wild) se jkunu qed igawdu l-aktar mit-tnaqqis qawwi fit-taxxa għall-familji bit-tfal.
Fuq medda ta' sitt snin, id-dħul ta' ġenituri eliġibbli għar-rata massima ta' dan il-benefiċċju ser ikun żdied b'€1,007 (jew 76%) għal €2,239 fis-sena.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega dwar kif familji li jiffosterjaw lil tfal sakemm jilħqu l-età ta' 21 sena qed jingħataw ukoll żieda ta' €520 fis-sena fl-allowance li jirċievu għal tfal fil-kustodja tagħhom. B'din iż-żieda, l-allowance din is-sena qed tiżdied għal €6,760 għal kull tifel u tifla. Din hija wkoll r-raba' żieda mill-2018 'il hawn.
Ser jingħata wkoll il-pagament lil tfal b'diżabilità taħt is-16-il sena, u dawn ser jirċievu €35 fil-ġimgħa addizzjonali maċ-Children's Allowance.
“Saħħaħna wkolll-Allowance Supplimentari, fejn dan il-benefiċċju qed jitħallas lill-familji li ma jirċevux Children's Allowance, koppji u persuni bi dħul baxx. L-għadd ta' benefiċjarji f'dan l-ewwel pagament tas-sena ilaħħaq ftit aktar minn 19,000 b'investiment ta' € 5.2 miljun," saħaq is-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Intant żdiedet ukoll l-għotja addizzjonali tal-Allowance Supplimentari, fejn dan is-suppliment ser jiżdied minn €100 għal €250 fis-sena.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN