STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: 56 organizzazzjoni sportiva preżentati biċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-AiMS
L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AiMS) ippreżentat lil 56 organizzazzjoni sportiva biċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni wara li dawn temmew il-proċess tal-iskedi eżistenti fil-Liġi li tirregola r-reġistrazzjonijiet ta' persuni sportivi f'pajjiżna.
Skont il-Kapitlu 626 tal-Liġijiet ta' Malta, l-organizzazzjonijiet sportivi kollha għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru għall-Persuni Sportivi, li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti.
F'ċerimonja simbolika li saret fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-uffiċjali ta' dawn l-organizzazzjonijiet sportivi ġew ippreżentati biċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni li issa jagħmilhom konformi mal-Liġi preżenti.
Fl-indirizz tiegħu lill-diversi Presidenti u Segretarji Ġenerali li jirrappreżentaw lill-dawn l-organizzazzjonijiet sportivi, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li din ir-reġistrazzjoni hija kruċjali għall-eżistenza nnifisha ta' kwalunkwe organizzazzjoni sportiva, għaliex tagħtihom personalità ġuridika. Għalkemm il-personalità ġuridika tista' tinkiseb ukoll permezz tal-Malta Business Registry (MBR), il-Ministru Grima fakkar li l-MBR huwa marbut bl-Att stess (KAP. 626) biex jitlob awtorizzazzjoni mingħand l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti qabel ma jirreġistra kwalunkwe organizzazzjoni sportiva. Huwa fakkar kif l-ebda organizzazzjoni sportiva ma tista' tikseb tali status qabel ma tkun irreġistrata mal-AiMS.
Il-Ministru Grima rrimarka li issa dawn is-56 organizzazzjoni sportiva jistgħu bi dritt ikomplu japplikaw biex jibqgħu jibbenefikaw mid-diversi fondi li joffri l-Gvern fosthom fondi minn SportMalta li jintużaw għat-taħriġ, kompetizzjonijiet internazzjonali kemm f'Malta u anke barra minn Malta u fondi anke biex ikompli jkun żviluppat l-Isport rispettiv.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti l-Imħallef Antonio Mizzi li qal li dak li kisbu s-56 organizzazzjoni sportiva huwa importanti mhux biss għalihom bħala Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet rispettivi imma wkoll importanti għall-Clubs u l-akkademji fi ħdanhom. L-Imħallef Mizzi qal li bis-suċċess tar-reġistrazzjoni għandhom ikunu kburin ukoll il-membri kollha fi ħdan l-organizzazzjonijiet sportivi fosthom il-kowċis, atleti u anke l-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom għat-taħriġ fl-Akkademji rispettivi. Huwa qal li dan iċ-ċertifikat huwa wkoll timbru ta' professjonalità u tmexxija serja.
Fl-Indirizz tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-AiMS Kevin Azzopardi qal li kull minn huwa preżenti għal din iċ-ċerimonja kellu jħossu kburi li ħadem għall-ġid tal-Assoċjazzjoni jew Federazzjoni tiegħu biex ikun konformi mal-Liġi. Huwa fakkar kif l-Awtorità tal-Integrità fl-Isport, konxja tal-fatt li l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet sportivi jitmexxew minn persuni volontarji, kienet ħarġet l-iskema REGitALL biex tgħin lill-entitajiet u organizzazzjonijiet sportivi biex jgħinuhom jimlew l-iskedi eżistenti fil-Liġi.
L-Iskema REGitALL offriet għajnuna minn professjonisti mqabbda u mħarrġa speċifikament mill-AiMS biex dawn jassistu fil-kompilazzjoni ta' din ir-reġistrazzjoni. Huwa qal li dawn il-professjonisti kienu jiltaqgħu b'mod regolari mal-uffiċjali ta' dawn l-organizzazzjonijiet sportivi biex mhux biss jagħtuhom il-pariri meħtieġa, imma wkoll biex fiżikament jgħinuhom fil-proċess kollu.
Kevin Azzopardi rrimarka li issa huwa importanti li kull organizzazzjoni sportiva rreġistrata tibqa' titmexxa b'governanaza tajba u tkun ta' eżempju għall-organizzazzjonijiet sportivi oħra. Huwa għamel appell lill-organizzazzjonijiet sportivi biex issa jkunu huma li jixprunaw u jgħinu lill-Clubs membri tagħhom biex huma wkoll jibdew il-proċess ta' applikazzjoni u b'hekk il-Clubs kollha jkunu konformi mal-Liġi u eventwalment jkunu huma wkoll reġistrati uffiċjalment sal-aħħar tas-sena.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN