STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-MANIFEST ELETTORALI Investiment ta’ €5 miljun f’sistema Pet-CT Scan Diġitali
Inawgurat l-ewwel Pet Ct Scanner fl-Isptar Mater Dei li ser ikun qed jgħin pazjenti bil-kanċer fid-dijanjosi u l-assessjar kontinwu tagħhom. Preżenti kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.
L-ewwel minn żewġ Pet CT Scanners identiċi ġodda fl-Isptar Mater Dei beda joffri servizz lill-pazjenti bid-dijanjosi tal-kanċer. Dan l-apparat permezz ta’ fondi Ewropej, huwa tal-aħħar portata b’sistema diġitali msejsa fuq semi kondutturi. Din is-sistema ser tkun qed tibdel is-sistema analog preċedenti.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif b’dan l-apparat ġdid ħa jgħin lill-pazjenti kollha Maltin u Għawdxin li għandhom il-kanċer. Huwa essenzjali li d-dijanjosi, it-trattament u l-assessjar kontinwu ta’ dawn il-persuni. Dr Abela qal li permezz ta’ din it-teknoloġija avvanzata, dan l-apparat huwa erba’ darbiet aktar preċiż u sensittiv mill-iscanner preċedenti. “Dan il-pet scanner kapaċi jiflaħ għal pazjenti obeżi u vantaġġ ieħor importanti tiegħu huwa li l-ħin tal-eżaminazzjoni issa ser jinżel għal 12-il minuta minn 20 minuta,” tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela kompla jgħid li dan ser jgħin biex in-numru ta’ pazjenti moqdija kuljum jitla’ għal 20 persuna. “Dan huwa investiment storiku u li se jħalli impatt qawwi fuq il-kura onkoloġika f’pajjiżna”, temm jgħid Dr Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li dan l-investiment huwa xhieda ċara ta’ kif il-fondi Ewropej qed ikomplu jsaħħu l-kapaċità tas-settur tas-saħħa f’pajjiżna. Huwa spjega li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Gvern qed jagħmel investimenti strateġiċi biex jiġi sostitwit tagħmir qadim, jiġu introdotti teknoloġiji innovattivi u jissaħħu s-servizzi dijanjostiċi li fuqhom jiddependu l-pazjenti tagħna.
“Dan huwa eżempju ċar ta’ kif qed nużaw il-fondi Ewropej b’mod immirat biex intejbu l-ħajja tan-nies. Investiment li mhux biss itejjeb id-dijanjosi iżda jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-settur tas-saħħa tagħna għas-snin twal li ġejjin,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN