Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Gvern jniedi żewġ inizjattivi biex issaħħaħ is-setturi agrikolu f’Malta

PR252192
Date Icon 05/12/2025

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, ħabbar żewġ inizjattivi ewlenin immirati biex jindirizzaw l-isfidi fis-settur agrikolu Malti. Dawn il-miżuri jiżguraw li l-art agrikola tintuża b'mod produttiv u sostenibbli, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet għal bdiewa żgħażagħ u dawk li qed jidħlu fis-settur għall-ewwel darba.

L-ewwel skema se toffri appoġġ finanzjarju biex tinkoraġġixxi t-trasferiment temporanju ta' art agrikola, kemm jekk mikrija mill-Awtorità tal-Artijiet kif ukoll jekk proprjetà privata, taħt l-amministrazzjoni ta' RAM għal perjodu ta' tliet snin. L-inċentiv finanzjarju huwa mmirat l-aktar lejn bdiewa mhux kummerċjali li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa.

L-applikanti eliġibbli li jittrasferixxu temporanjament l-art agrikola tagħhom se jirċievu €1,500 għal kull tomna art, imħallsa fi tliet pagamenti annwali ta' €500 kull wieħed. Matul dan il-perjodu, l-art agrikola se tiġi amministrata minn Riżorsi Agrikoli Malta u tkun allokata lill-bdiewa żgħażagħ jew attivi għall-kultivazzjoni tal-ikel, biex jiġi żgurat użu produttiv u sostenibbli għat-tliet snin imsemmija.

It-tieni inizjattiva hija proġett pilota mfassal biex tindirizza waħda mill-akbar sfidi għall-bdiewa li jixtiequ jidħlu fis-settur: l-aċċess għall-art agrikola. Permezz ta' dan il-proġett, art agrikola vojta li hija proprjetà tal-gvern se tingħata b'kirja għal perjodu ta' 10 snin li jista' jiġġedded. Il-kiri se jingħata bi prezz ġust u skont ir-regolamenti li jirregolaw il-valutazzjoni tal-art agrikola, biex jiġi żgurat proċess trasparenti u ġust. L-opportunità hija miftuħa għal bdiewa żgħażagħ taħt il-41 sena u għal dawk li jixtiequ jidħlu fis-settur.

L-applikanti se jiġu evalwati permezz ta' sistema ta' punti trasparenti, b'punti mogħtija għall-kwalità tal-proposta tan-negozju tagħhom, l-allinjament mal-għanijiet tal-agrikoltura organika u l-politika nazzjonali, l-investiment fl-infrastruttura u t-teknoloġija, u l-impenn lejn prattiċi ambjentali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, enfasizza l-importanza strateġika ta' dawn l-inizjattivi u ċċara n-natura volontarja tat-trasferiment tal-art agrikola għall-ewwel skema, jiġifieri l-applikanti interessati jistgħu jidħlu f'din l-iskema b'mod volontarju biex jittrasferixxu temporanjament l-art lill-Aġenzija, waqt li l-art tibqa' proprjetà tas-sid u tiġi ritornata wara t-tlett snin miftiehma.

Il-Ministru żied jgħid li s-settur agrikolu Malti huwa pedament tal-ekonomija u l-identità kulturali tagħna. Madankollu, qed jaffaċċja sfidi li jeħtieġu soluzzjonijiet kuraġġużi u innovattivi. Billi jiġu introdotti inċentivi finanzjarji u opportunitajiet ta' kiri fit-tul, il-Ministeru qed jindirizza żewġ kwistjonijiet: li jiżgura li l-art agrikola tibqa' tintuża b'mod produttiv u li jsaħħaħ il-ġenerazzjoni li jmiss ta' bdiewa. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li joħolqu qafas sostenibbli li jippromwovi l-agrikoltura organika, il-kustodja ambjentali u s-sigurtà tal-ikel. Huma jirriflettu l-viżjoni tal-gvern għal futur iktar aħdar fejn l-iżvilupp ekonomiku u r-responsabbiltà ekoloġika jimxu id f'id.

Aktar dettalji u linji gwida għall-applikazzjoni se jkunu disponibbli fuq il-website ta' Riżorsi Agrikoli Malta fuq www.ram.gov.mt. Barra minn hekk, se jsiru sessjonijiet ta' informazzjoni pubblika fil-jiem li ġejjin, bil-jum, ħin u post jiġu mħabbra fuq il-website tal-aġenzija.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Gvern jniedi żewġ inizjattivi biex issaħħaħ is-setturi agrikolu f’Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Gvern jniedi żewġ inizjattivi biex issaħħaħ is-setturi agrikolu f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow