STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imnedija kampanja edukattiva dwar il-klieb tas-servizz fl-iskejjel
Bħala parti mill-attivitajiet matul il-ġimgħa li fiha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għad-Diżabilità, illum ġiet imnedija kampanja edukattiva dwar il-klieb tas-servizz fl-iskejjel Maltin, bl-għan li jiżdied l-għarfien dwar ir-rwol essenzjali li għandhom il-klieb tas-servizz fil-komunità tagħna.
Din il-kampanja qed tiġi organizzata mill-għaqda volontarja Service Dogs Malta Foundation.
It-tnedija ta’ din il-kampanja saret fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja Rabat, li fiha jattendu 403 studenti. Fosthom hemm madwar 50 tifel u tifla b’diżabilità li jattendu din l-iskola.
Matul din il-kampanja, studenti minn diversi skejjel se jkollhom l-opportunità jattendu sessjonijiet interattivi u dimostrattivi li juru kif il-klieb tas-servizz jgħinu lil dawk bid-diżabilità jiksbu aktar indipendenza, sigurtà u benessri emozzjonali. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ kultura ta’ tolleranza u empatija sa minn età żgħira, u titfa’ dawl fuq kif għandna ninteraġixxu b’mod xieraq u rispettiv ma’ klieb tas-servizz waqt il-missjoni tagħhom.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia faħħret dan il-proġett bħala pass importanti lejn soċjetà aktar sensittiva u aċċessibbli, filwaqt li enfasizzat li l-edukazzjoni fil-bidu tal-ħajja skolastika hija kruċjali. “Matul il-ġimgħa li fiha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għad-Diżabilità tajjeb li niftakru li l-inklużjoni mhijiex xi ħaġa li niddiskutuha biss, iżda viżjoni li rridu ngħixu kuljum. Meta ninvestu fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna dwar ir-rwol tal-klieb tas-servizz, inkunu qegħdin nagħmlu pass konkret biex nibnu ġenerazzjoni li tifhem aħjar id-diversità, tapprezza l-ħidma li ssir biex tinħoloq soċjetà aktar ġusta, u tkun lesta tikkontribwixxi għal Malta aħjar,” temmet tgħid il-Ministru.
Il-President tas-Service Dogs Malta Foundation, Joseph Stafrace, spjega kif “din il-ġurnata hija importanti għax huwa kruċjali li nkomplu nqajmu kuxjenza dwar il-klieb ta’ servizz, xogħolhom u l-persuni b’diżabilità b’mod ġenerali. Qed nagħmlu din l-attività sabiex it-tfal, li huma l-irġiel u n-nisa t’għada, ikomplu jiġu edukati biex ikunu aktar sensittivi u għalhekk meta jaraw kelb ta’ servizz, jgħallmu lill-ġenituri tagħhom x’inhu kelb tas-servizz, x’għandhom jagħmlu u x’m’għandhomx jagħmlu. Qassamna wkoll xi kotba dwar il-klieb ta’ servizz li se jgħinu lit-tfal jaqraw aktar. Dan se jgħinna nkomplu l-missjoni tagħna li f’kull persuna għandna naraw il-ħila u mhux id-diżabilità,” temm jgħid.
Il-kampanja mistennija tkompli tissaħħaħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, u se tkompli tippromwovi informazzjoni importanti dwar il-valur kbir tal-klieb tas-servizz f’diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN