STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U L-PROĠETTI STRATEĠIĊI: Faċilità ġdida ta' Smiro Qualitas f'Malta tkompli ssaħħaħ l-ekosistema tal-istartups
Ġiet inawgurata l-faċilità l-ġdida ta' Smiro Qualitas, startup fil-qasam tal-farmaċewtika fiċ-Ċentru tal-Inkubazzjoni tan-Negozju ta' Kordin (KBIC). Din l-inawgurazzjoni tfisser pass ieħor lejn ekosistema ta' startups aktar b'saħħitha f'Malta.
Waqt l-inawgurazzjoni, attenda l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Malta Enterprise George Gregory fejn enfasizza li l-progress ekonomiku ta' Malta huwa marbut direttament man-nies. L-ekonomija Maltija kompliet tispikka għar-reżiljenza u l-innovazzjoni, kif ikkonfermat mill-EY Survey maħruġ aktar kmieni din is-sena kif ukoll l-Greenfield FDI Performance Index tal-Financial Times, li rrimarka l-prestazzjoni qawwija ta' Malta.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li, “Startups bħal Smiro Qualitas huma t-tkabbir lejn il-futur ta' pajjiżna. Bis-saħħa tagħhom iżommu l-ekonomija tagħna miexja 'l quddiem, filwaqt li dawn jirriflettu l-viżjoni tagħna u l-fiduċja lill-investituri."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory qal, “It-tnedija ta' Smiro Qualitas f'Malta tirrifletti l-impenn tagħna li nsaħħu industriji ta' kwalità għolja. B'hekk insaħħu l-pożizzjoni ta' Malta bħala ġuriżdizzjoni li tappoġġja l-viżjoni fit-tul tagħna għal tkabbir sostenibbli u mmexxi mill-innovazzjoni."
Id-Direttur ta' Smiro Qualitas Robert Smith tkellem dwar kif dan jimmarka l-kapitlu li jmiss għal Smiro Qualitas biex iġġib prodotti ġodda lill-pazjenti. “Il-ftuħ tal-uffiċċju tagħna f'Malta jagħti lill-klijenti tagħna l-post uniku fejn iwettqu provi kliniċi f'Malta, fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit għall-benefiċċju tal-pazjenti."
L-istartups f'pajjiżna qed isibu aktar opportunitajiet u għajnuna biex jikbru permezz ta' skemi ta' finanzjament bħal Business Start, MicroInvest u Start-up Finance. Barra minn hekk, il-Gvern qed jsaħħaħ l-ekosistema tal-innovazzjoni b'inizjattivi bħall-Digital Innovation Hub, li jappoġġja startups biex joħolqu teknoloġiji ġodda u jiżviluppaw permezz tal-HPC (High Performance Computing), li jagħmilha aċċessibbli għal riċerkaturi lokali, partikolarment f'oqsma bħar-riċerka medika bl-intelliġenza artifiċjali.
Dawn l-inizjattivi kollha huma parti minn Viżjoni Malta 2050, li għandha l-mira li l-ekonomija tal-pajjiż tkun bbażata fuq ħiliet, riċerka u teknoloġiji tal-futur.
Għal dan il-ftuħ attendiet il-Kummissarju Għoli tal-Ingilterra għal Malta Victoria Busby.
Ritratt (MEEP)
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN