STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tnedija tad-9 Edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival u l-5 Edizzjoni tal-Jumpstart Film Festival – Pjattaforma nazzjonali li tkompli tagħti vuċi lill-kreattività taż-żgħaż
Aġenzija Żgħażagħ, f'kollaborazzjoni mal-Malta Film Foundation u d-Direttorat tal-VET u l-Programmi STEM fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, nediet uffiċjalment id-9 edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival (MYFF) u l-5 edizzjoni tal-Jumpstart Film Festival. Dawn iż-żewġ festivals saru elementi essenzjali fil-kalendarju kulturali taż-żgħażagħ Maltin, u qed ikomplu joħolqu spazju fejn il-kreattività, il-viżjoni u l-identità ta' ġenerazzjoni ġdida jistgħu jixxettlu u jiġu espressi b'kuraġġ u ħsieb artistiku.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li Malta tibqa' tinvesti fl-arti u fl-istejjer taż-żgħażagħ tagħha bħala parti mill-viżjoni nazzjonali għal Malta 2050. Huwa saħaq li l-film huwa mezz li ma jagħmilx biss xogħol artistiku, iżda jinħoloq spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jgħidu, 'Għandi x'nirrakkonta, u rridkom tisimgħuni.' Is-Segretarju Parlamentari tenna li “Dal-festivals qed jagħtu lilna bħala pajjiż saff ġdid ta' fiduċja fil-kapaċità taż-żgħażagħ tagħna. Meta npoġġulhom kamera f'idejhom u nagħtuhom pjattaforma, aħna mhux biss qed nipproduċu films imma qed nibnu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' ħassieba, narraturi u kreattivi. Il-Viżjoni Malta 2050 tfisser ukoll Malta li tisma' u tappoġġja l-vuċi taż-żgħażagħ tagħha."
Il-MYFF, li bħalissa għandu l-applikazzjonijiet miftuħin fuq youth.gov.mt, joffri lill-persuni bejn is-16 u t-30 sena opportunità biex jesprimu talent ċinematografiku tagħhom b'mod individwali jew fi grupp, b'films twal massimu ta' 10 minuti u premju ta' €600 għall-aqwa produzzjoni. Is-sottomissjonijiet għal dan il-festival jagħlqu fl-4 ta' Mejju 2026. Min-naħa tiegħu, il-Jumpstart Film Festival, intiż għal studenti tas-sekondarja (Years 9–11), jinkoraġġihom jiżviluppaw ħiliet kreattivi u tekniċi fil-produzzjoni tal-films, b'sottomissjonijiet miftuħin sat-3 ta' Diċembru 2025 u b'Showcase Event fil-25 ta' Marzu 2026, fejn jingħataw premjijiet inkluż trofew u €300 f'tagħmir lill-iskola rebbieħa, filwaqt li l-Aħjar Film jintwera fil-MYFF 2026. Dawn iż-żewġ pjattaformi saru katalisti għal diversi karrieri kreattivi, b'ħafna parteċipanti matul is-snin ikomplu jistudjaw, jaħdmu jew joħolqu produzzjonijiet fil-qasam tal-film.
Joyce Grech mill-Malta Film Foundation, faħħret ir-rwol kruċjali ta' dawn l-ispazji kreattivi fil-formazzjoni ta' talent ġdid. Hija qalet: “Il-MYFF u Jumpstart ma kinux jeżistu għaxar snin ilu, illum huma xhieda ta' kemm ġenerazzjoni Maltija għandha talent u viżjoni. Aħna kburin li naraw żgħażagħ jikbru f'dan il-qasam u li nkunu parti mill-pass li jwassalhom lejn il-karriera kreattiva tagħhom."
Enrique Camilleri, alumni tal-Jumpstart Film Festival, irrimarka dwar kif il-festival fetaħlu l-bieb għall-ewwel darba fil-produzzjoni tal-film: “Jumpstart tani l-kuraġġ li nemmen li jien kapaċi. Minn idea f'klassi, sal-ewwel short film tiegħi dan il-festival tani s-salt. Mingħajru forsi qatt ma kont nsaqsi lili nnifsi jekk nistax inkun narratur jew direttur."
Daniel Mallia, alumni tal-Malta Youth Film Festival, saħaq fuq il-valur li l-esperjenza tatu personalment u professjonalment: “Il-MYFF kien il-punt ta' bidu tiegħi. Tgħallimt naħdem f'tim, naħseb b'viżjoni u nirrakkonta stejjer li jolqtu lil min jara. Din il-pjattaforma mhux biss tagħti premji, tagħti ħajja lid-dreamers."
Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jibqa' kommess li jkompli jappoġġja inizjattivi li jagħtu forza u spazju għat-talent taż-żgħażagħ Maltin. Dawn il-festivals mhumiex avvenimenti waħedhom, iżda proċess li jibni futur kreattiv, kompetittiv u ħaj.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN