STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Ftehim Settorjali Ġdid għas-Scientific Class – Investiment konkret fil-professjonisti xjentifiċi tas-Servizz Pubbliku
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ppresedew għall-iffirmar ta' ftehim settorjali mal-UHM – Voice of the Workers, li jagħti rikonoxximent formali u strutturat lis-Scientific Class fis-Servizz Pubbliku.
Dan il-ftehim għandu importanza nazzjonali għax isaħħaħ ir-rwol tax-xjentisti li jaħdmu fis-setturi marbutin mas-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u l-benesseri tal-annimali. Huwa pass ċar lejn modernizzazzjoni tal-professjoni xjentifika fil-pajjiż u jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti fin-nies u fl-għarfien speċjalizzat tagħhom.
Il-ftehim isaħħaħ l-istruttura tal-gradi, jiddefinixxi b'mod ċar ir-rekwiżiti għall-promozzjoni, u jintroduċi mekkaniżmi ġodda ta' żvilupp professjonali. L-uffiċjali se jibbenefikaw minn taħriġ, formazzjoni u appoġġ finanzjarju marbut direttament max-xogħol xjentifiku tagħhom.
Il-Ministru Anton Refalo sostna li dan il-ftehim jirrifletti viżjoni ċara għal futur aktar b'saħħtu fis-setturi kritiċi għall-pajjiż. “Dan il-ftehim jirrappreżenta investiment serju fin-nies li jġorru r-responsabbiltà xjentifika li fuqha tiddependi s-sigurtà u l-benesseri tal-poplu tagħna. Huma x-xjentisti li jagħmlu l-analiżi, ir-riċerka u d-direzzjoni teknika li fuqhom jinbnew id-deċiżjonijiet ta' kuljum. Illum qed nagħtuhom l-għodod, ir-rikonoxximent u l-futur li jistħoqqilhom," qal il-Ministru Refalo, filwaqt li rringrazzja lill-Ministeru tal-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-Ministeru għas-Saħħa, l-UHM u lill-Industrial Relations Unit għall-ħidma professjonali tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “Il-Gvern qed ikompli juri kemm hu qrib il-ħaddiema permezz ta' ftehim settorjali ieħor. B'dan il-ftehim se nkunu qegħdin inżidu l-allowances għal diversi xjentisti li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tagħna. Ix-xjentisti bħala Scientific Officers jagħmlu xogħol importanti ħafna, primarjament fuq riċerka. Ir-riċerka li jwettqu hi kruċjali għal pajjiżna għax mill-informazzjoni li tinġabar u r-riżultati li jkollna, inkunu nistgħu inwettqu policies għall-benefiċċju tas-setturi li jaqgħu taħt dan il-Ministeru."
Il-ftehim jinkludi titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju: allowances aġġornati, bonuses imtejba u l-introduzzjoni tal-Performance Bonus minn din is-sena. L-uffiċjali se jirċievu wkoll pagament skont il-grad rispettiv tagħhom. Il-miżuri kollha japplikaw mill-1 ta' Jannar 2024.
Dan il-ftehim huwa prova ta' kif il-koperazzjoni u d-djalogu jwasslu għal futur aktar b'saħħtu u professjonali għall-ħaddiema xjentifiċi fis-Servizz Pubbliku Malti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN