STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Konferenza tal-OHSA tenfasizza l-impenn ta’ Malta għal ambjent tax-xogħol diġitali aktar sigur
L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA), taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Setturi tal-Kostruzzjoni, b'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OHSA), ospitat konferenza bl-isem “Innovating Safely: The Digital Shift".
L-avveniment laqqa' dawk li jfasslu l-politika, mexxejja fl-industrija u esperti internazzjonali biex jiddiskutu kif il-postijiet tax-xogħol jistgħu jadottaw l-innovazzjoni diġitali filwaqt li jassiguraw is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-ħaddiema.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Setturi tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard tenna l-impenn ta' Malta għal tranżizzjoni diġitali responsabbli. “L-innovazzjoni trid dejjem timxi id f'id mas-saħħa, is-sigurtà, il-benesseri u l-ġustizzja soċjali. Il-pjan direzzjonali tagħna għat-trasformazzjoni diġitali huwa mibni fuq prinċipju sempliċi: il-progress teknoloġiku għandu jtejjeb, mhux jikkomprometti, id-dinjità u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna," saħaq il-Ministru Attard.
Il-ministru rrefera għall-Istrateġija Nazzjonali tal-AI aġġornata ta' Malta, allinjata mal-Viżjoni Malta 2050, u l-allokazzjoni ta' €100 miljun fil-Budget2026 għall-AI u t-trasformazzjoni diġitali. Huwa saħaq li l-AI għandha ssaħħaħ il-ħaddiema, toħloq karrieri ġodda u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-konferenza kienet immexxija mill-OHSA, l-awtorità nazzjonali ta' Malta responsabbli mill-promozzjoni u l-infurzar tal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Matul l-aħħar sentejn, l-OHSA introduċiet riformi importanti, fosthom il-liġi ġdida dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, standards mtejba għall-operaturi u regolamenti aktar b'saħħithom fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar, tkellmet dwar l-approċċ proattiv tal-awtorità. “Il-prijorità tagħna hija ċara: hekk kif il-postijiet tax-xogħol jevolvu b'mod diġitali, l-OHSA se tkompli ssaħħaħ il-qafas ta' prevenzjoni tar-riskji, tinvesti fir-riċerka u tikkollabora mal-industrija biex tkun żgurata innovazzjoni li ma tkunx ta' detriment għall-benesseri tal-ħaddiema."
L-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol introduċa protezzjonijiet aktar b'saħħithom, responsabbiltà aktar ċara u involviment usa' tal-partijiet interessati. Strumenti amministrattivi ġodda u standards professjonali stabbilixxew livell nazzjonali, filwaqt li leġiżlazzjoni estensiva fis-sigurtà tal-kostruzzjoni pożizzjonat lil Malta fuq quddiem fejn jidħol progress regolatorju fl-UE.
Il-konferenza inkludiet ukoll diskors mid-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, William Cockburn, li enfasizza l-ħtieġa li s-sigurtà tkun integrata fl-istrateġiji diġitali Ewropej. Panels ta' esperti inkludew lil Kenneth Brincat, Kap Eżekuttiv tal-Malta Digital Innovation Authority, dwar l-innovazzjoni fl-ambjenti tax-xogħol diġitali, u lil Dr Elaine Cutajar, li ffukat fuq is-saħħa u l-benesseri fi żmien id-diġitalizzazzjoni. It-taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija ta' Malta indirizzat riskji ġodda ta' cybersecurity, filwaqt li workshops tematiċi ffokaw fuq l-appoġġ tas-saħħa pubblika u l-assessjar tar-riskji fuq il-post tax-xogħol f'ambjenti li qed jevolvu b'mod diġitali.
Permezz ta' ċifri pożittivi ġie muri l-progress diġitali ta' pajjiżna, b'kopertura diġitali ta' 92 fil-mija u difużjoni ta' kommunikazzjoni mobbli ta'136 fil-mija, żieda fl-użu tat-teleworking minn 13 fil-mija fl-2019 għal 23 fil-mija fl-2024, u prestazzjoni aħjar mill-medja tal-UE fis-servizzi pubbliċi diġitali bi 18 fil-mija għall-ħaddiema u 14 fil-mija għan-negozji.
Dawn il-kisbiet jirriflettu l-impenn ta' Malta li tiżgura li ħadd ma jibqa' lura fl-era diġitali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN