STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Ħidma ta’ appoġġ għal dawk vulnerabbli
Tnedija ta' ktieb dwar dak li sar fil-qasam tal-akkomodazzjoni speċjalizzata serviet ta' vetrina għal ħidma id f'id li saret, u għadha qed issir, bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Awtorità tad-Djar u diversi għaqdiet mhux governattivi.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li l-ktieb “More than just a Roof" jitqies bħala vetrina reali ta' dak li sar f'dan il-qasam b'risq dawk vulnerabbli. Huwa rrefera għal miri ewlenin tad-dokument Viżjoni Malta 2050 biex mhux biss titjieb il-kwalità tal-ħajja imma jiġi żgurat li l-akkomodazzjoni soċjali tkun affordabbli, sostenibbli u fuq kollox inklussiva.
Permezz ta' diversi inizjattivi ssawwar programm ta' akkomodazzjoni speċjalizzat li bih propjetajiet mitluqa u żdingati inbidlu fi djar inklussivi għal gruppi vulnerabbli.
Fosthom il-Ministru Galdes semma Dar Bla Ħitan għal dawk li qed jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza biex jiġu mgħejuna jintegraw mill-ġdid fil-komunità; Dar Tereża li tagħti saqaf lill-ommijiet bi sfidi mentali; Dar il-Qawsalla għal membri tal-komunità LGBTIQ+ bi problemi soċjo-ekonomiċi; Dar il-Kantuniera għal min għandu kundizzjoni ta' saħħa mentali jew ta' effetti mill-abbuż tad-droga; u r-residenza interġenerazzjonali li tlaqqa' anzjani u żgħażagħ biex jappoġġjaw u jsostnu lil xulxin.
Il-Ministru Galdes qal li dawn l-inizjattivi huma immirati lejn l-individwu u jaraw servizzi tal-istat u l-isforzi ta' għaqdiet mhux governattivi jaħdmu id f'id biex jiżguraw li gruppi vulnerabbli jkollhom aċċess għal saqaf fuq rashom. Qal li dawn is-soluzzjonijiet huma daqstant ieħor immirati biex jipprovdu ambjent t'għixien sigur u komdu li jaqdi l-eżiġenzi ta' għamliet differenti ta' ħajja fis-soċjetà tagħna.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal: “Dan il-ktieb jiġbor stejjer ta' suċċess ta' viżjoni mibnija fuq l-akkomodazzjoni speċjalizzata. Irridu nqanqlu diskussjoni, u nħeġġu aktar kollaborazzjoni biex inwettqu aktar proġetti ta' dan it-tip fil-komunitajiet tagħna."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN