Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat

PR252072
Date Icon 21/11/2025

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippresjeda fuq l-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, pass importanti li jixhed l-impenn tal-Gvern lejn servizz pubbliku li jħares l-interessi tal-ħaddiema.

Il-Ministru Attard saħaq li dan il-pass importanti qed iseħħ fil-perjodu tal-Budget 2026 li fih ġie allokat ammont rekord ta' fondi għas-settur tal-Ġustizzja, b'żieda ta' 26% fl-allokazzjoni finanzjarja fuq din is-sena għall-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. “Il-ftehim kollettiv il-ġdid li qegħdin niffirmaw illum jagħti lil dawn il-ħaddiema r-rispett, il-valur u r-rikonoxximent li jistħoqqilhom," sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard kompla jsostni dwar l-importanza ta' dan l-uffiċċju, mhux biss fil-kuntest tal-qasam tal-ġustizzja, imma wkoll fil-kuntest tal-interess nazzjonali. Innota wkoll kif dan l-uffiċċju ra żieda sostanzjali fir-riżorsa umana hekk kif minn 23 ħaddiem fl-2019, dawn illum żdiedu b'aktar mid-doppju.

Dr Attard tkellem ukoll dwar l-investiment bla preċedent fl-infrastruttura tal-ġustizzja fejn fost proġetti li tlestew reċentement kien hemm il-binja l-ġdida tal-Qorti għall-Maġistrati Inkwerenti, awla ġdida għall-ġurijiet (Awla 29) u l-allokazzjoni tal-binja li se sservi bħala s-sede tal-Qorti Kummerċjali. Dan filwaqt li ġie ffirmat ukoll il-konvenju għall-bini ta' Qorti ġdida u moderna fir-Rabat Għawdex.

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qed jissaħħaħ ukoll permezz tal-akkwist ta' binja ġdida adjaċenti għall-uffiċini eżistenti, li se tipprovdi aktar spazju u tkompli televa l-prestiġju ta' dan l-uffiċċju. Fl-istess waqt, tlesta l-proġett TSI dwar riorganizzazzjoni interna, li wassal għall-introduzzjoni ta' kodiċi ta' etika ġodda u tisħiħ fir-regolamenti interni. Il-pass li jmiss se jkun l-implimentazzjoni ta' Case Management System ġdida u tisħiħ tas-sistema Legislation.mt, fejn il-funzjoni tagħha se tkun il-bażi uffiċjali għal-liġijiet kollha ta' pajjiżna. Fl-istess ħin se jkomplu għaddejjin id-diskussjonijiet b'rabta mal-ftehim kollettiv tal-gradi legali.

“Dan kollu huwa prova ċara tal-impenn tagħna li nibnu amministrazzjoni pubblika b'saħħitha, moderna u rispettata, fejn l-impjegat jingħata l-valur li jixraqlu u fejn l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu b'integrità, professjonalità u effiċjenza," temm jgħid l-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu l-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li l-iffirmar huwa mument importanti għall-qalb amministrattiva tal-Uffiċċju soġġetti għal dan il-ftehim kollettiv illi se jsaħħaħ u jikkonsolida fuq it-tajjeb li diġà kien hemm. “Inħarsu 'l quddiem sabiex inkomplu naħdmu u ngħaqdu dmirijietna fi ħdan l-uffiċċju tagħna wara dan il-ftehim", tenna Dr Soler.

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers' Union Kendrick Bondin qal li dan huwa l-ewwel ftehim  tax-xorta tiegħu, bil-għan li jissaħħu l-benefiċċji tal-ħaddiema billi jinkiseb bilanċ bejn id-dmirijiet u d-drittijiet. “Mhux biss saħħaħna l-aspett finanzjarju iżda wkoll kif il-ħaddiema jipprogressaw u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol sabiex nirriflettu r-realtajiet tal-lum il-ġurnata", żied jgħid is-sur Bondin filwaqt li irringrazzja lil kull min kien involut f'dawn id-diskussjonijiet speċjalment iż-żewġ rappreżentanti tal-GWU Christine Caruana u Joan Nwaokoro li ħadmu bis-sħiħ bl-aktar mod professjonali u umli.

Fost dawk preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, l-Assistent Segretarju tal-istess taqsima tal-General Workers Union Lawrence Bugeja, id-Deputat Kap tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali Mario Grixti u l-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

Ritratti: MJR

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow