STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI ‘Ħabbtilna’ – Kampanja dwar skemi u miżuri fil-qasam tal-akkomodazzjoni
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes nieda kampanja ta' informazzjoni dwar il-firxa wiesgħa ta' skemi u miżuri disponibbli għall-qasam tal-akkomodazzjoni.
Il-Ministru spjega li l-kampanja 'Ħabbtilna' hija stedina lill-pubbliku biex jew personalment inkella virtwalment jersaq lejn l-Awtorità tad-Djar biex jiġi mgħarraf dwar l-iskemi u miżuri li jeżistu għad-dispożizzjoni tiegħu.
Il-Ministru Galdes qal li bħalissa hemm 23 skema jew miżura mħaddma mill-Awtorità tad-Djar. Fakkar li għas-sena d-dieħla hemm nefqa rekord fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli t'aktar minn €81 miljun.
Fost l-iskemi li elenka l-Ministru Galdes hemm dawk tal-First time buyers – li għas-sena d-dieħla għandha €8 miljun ivvutati; l-Equity Sharing b'vot ta' €5 miljun; Housing Benefit b'investiment ta' kważi €12-il miljun; ir-riġenerazzjoni u skemi għal persuni b'diżabilità b'vot ta' aktar minn €8 miljun; l-iskema Nikru Biex Nassistu li għandha vot ta' €12-il miljun.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Qed inkomplu nissimplifikaw l-esperjenza tal-klijenti tagħna billi nippreżentaw l-iskemi tagħna b'mod aktar ċar, interattiv u faċli biex jinftiehem. Bil-kampanja 'Ħabbtilna', qegħdin nagħmlu stedina lil kull min jixtieq jieħu pass f'dan is-settur biex jaqsmu magħna s-sitwazzjoni tagħhom u naraw flimkien liema skemi jistgħu jkunu ta' għajnuna."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN