STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Malta tospita konferenza dwar l-użu tal-AI fis-saħħa b’kollaborazzjoni mal-WHO
Malta b'kollaborazzjoni mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ospitat konferenza bit-tema 'AI for Health & Care in Europe – Practical Solutions for a Healthy Future'. Għal din il-konferenza attendew il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, id-Direttur Reġjonali Ewropew għas-Saħħa Hans Kluge, flimkien ma' numru ta' Ministri u deputati ministri Ewropej.
Ġie spjegat kif il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej jirrikonoxxu l-potenzjal tal-AI biex jittrasforma l-kura tas-saħħa, iżda l-livell ta' tħejjija jibqa' differenti sew. 8% biss għandhom strateġija nazzjonali dedikata għall-AI fis-saħħa, filwaqt li 14% oħra qed jiżviluppaw waħda.
Matul il-konferenza ntqal kif 64% tal-pajjiżi diġà jużaw sistemi dijanjostiċi assistiti bl-AI, u 50% introduċew chatbots għall-appoġġ tal-pazjenti. Iżda sempliċiment kwart tal-pajjiżi allokaw fondi biex jimplimentaw il-prijoritajiet identifikati fl-AI. Spjegaw kif kważi 9 minn kull 10 pajjiżi jgħidu li l-inċertezza legali hija l-akbar ostaklu għall-adozzjoni tal-AI.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif Malta qed tinvesti b'mod strateġiku fl-AI fis-saħħa u f'oqsma oħra u tenna li pajjiżna jħares 'il quddiem għal avvanzi f'dan is-settur. Dr Abela spjega kif mhux biss saru investimenti f'apparat teknoloġiku bħal dak robotiku għall-interventi mediċi, imma wkoll ħa jkun użat l-AI biex isir assessjar ta' pazjenti meta jużaw il-linja nazzjonali 1400 li s'issa diġà għenet 'il fuq minn 11,000 persuna.
“Ekonomija b'saħħitha tgħinna nkomplu ninvestu fis-settur tas-saħħa favur il-pazjent. Għalhekk ser inkomplu bil-qalba diġitali u matul din il-ġimgħa stess ser inkunu qed inniedu għall-konsultazzjoni pubblika Digital Health Strategy 2025–2030," temm jgħid Dr Abela.
Min-naħa tiegħu, Dr Hans Kluge, Direttur Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa, qal, “L-AI diġà qed tintuża minn miljuni ta' ħaddiema tas-saħħa u pazjenti. Iżda mingħajr strateġiji ċari, protezzjoni tad-dejta u investiment fil-litteriżmu diġitali, nirriskjaw li nsaħħu l-inugwaljanzi flok innaqqsuhom. L-AI għandha l-potenzjal tirrivoluzzjona l-kura tas-saħħa. Imma dan iseħħ biss jekk in-nies jibqgħu fiċ-ċentru f'kull pass tal-vjaġġ."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN