STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA L OPSA twettaq aktar minn 660 spezzjoni f’residenzi u servizzi li joffru kura lill-anzjani fl-2025
L-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) organizzat b’suċċess il-konferenza annwali tagħha, li kienet okkażjoni sinifikanti fejn ġie rifless fuq sena ta’ ħidma intensiva, dedikazzjoni u impenn regolatorju b’saħħtu. Matul din is-sena, l-OPSA wettqet aktar minn 660 spezzjoni f’residenzi u servizzi li joffru kura lill-anzjani, ħidma li tikkonferma r-rwol ċentrali tal-awtorità biex tassigura li kull anzjan jirċievi servizz ta’ kwalità, b’dinjità u rispett, f’ambjenti siguri u regolati b’mod serju.
Il-konferenza serviet bħala pjattaforma importanti biex tiġi diskussa t-trasformazzjoni tal-istandards ta’ kura, il-konformità regolatorja u l-approċċi innovattivi li għandhom jittieħdu biex is-servizzi offruti lill-anzjani jkomplu jtejbu u jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull individwu. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm ukoll it-taħriġ tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura, il-valur tal-għarfien reċiproku bejn regolaturi u fornituri tas-servizz, kif ukoll il-bżonn li nkomplu nibnu kultura ta’ rispett u parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ta’ kull anzjan, f’kull stadju u kundizzjoni.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif l-OPSA li ġiet imwaqqfa b’att leġiżlattiv fl-2023 tassigura li s-servizzi kollha tal-anzjanità f’pajjiżna jiġu mogħtija b’sigurtà u dinjità sabiex din il-faxxa t’età, tilħaq kull potenzjal possibbli fil-ħajja. “Meta ġiet stabbilita l-OPSA ma kellna qatt l-intenzjoni li din l-awtorità tkun xi forma ta’ pulizija, anzi ridna li jkollna regolatur li jieħu ħsieb il-kwalità tas-servizzi permezz ta’ djalogu, konsultazzjoni u riformi,” temm jgħid Dr Abela
Min-naħa tiegħu, Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, saħaq li “Meta nsaħħu l-monitoraġġ u r-regolazzjoni, mhux qed nillimitaw ruħna għall-infurzar, imma qed nibagħtu messaġġ ċar li l-istat għandu obbligu morali li joffri mhux biss kura, imma kwalità ta’ ħajja li tixraq lil kull anzjan. Din hija wkoll parti mill-viżjoni tagħna għal Malta 2050, li nkomplu nibnu sistema ta’ kura li tagħraf kull stadju tal-ħajja ta’ persuna anzjana: mill-attività u l-indipendenza, għall-kura fi djarhom, kura f’istituzzjonijiet, sa servizzi paljattivi, b’approċċ li dejjem iżomm fiċ-ċentru l-bniedem u d-dinjità tiegħu.”
Fil-kummenti tagħhom, Dr Renzo De Gabriele, is-Segretarju Permanenti għall-Anzjanità Attiva, u George Fenech, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, elenkaw il-ħidma mwettqa matul is-sena, fosthom l-ispezzjonijiet regolari, żjarat ta’ benesseri, u inizjattivi ta’ taħriġ u involviment mal-komunità, kollha bl-għan li jissaħħu l-istandards tal-kura u titkompla l-professjonalizzazzjoni tas-settur. Enfasizzaw ukoll l-importanza li OPSA tibqa’ strument ta’ bidla pożittiva, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-fornituri tas-servizz, mal-ħaddiema u mal-familji tal-anzjani.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN