STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Proġett ta’ riġenerazzjoni f’San Ġwann – Investiment ta’ aktar minn miljun ewro fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f’Taż-Żwejt, f’San Ġwann
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'San Ġwann (Taż-Żwejt) fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet estensivi ta' riġenerazzjoni fuq tliet blokok residenzjali.
Dan il-proġett, li qed jitwettaq mill-Awtorità tad-Djar flimkien ma' Housing Projects Solutions Limited, jinvolvi interventi fuq il-faċċati, l-entraturi, il-partijiet komuni u s-soqfa ta' 3 blokok li jkopru total ta' 130 appartament. L-investiment għal dawn ix-xogħlijiet jammonta għal aktar minn €1,036,000, li minnu se jgawdu mijiet ta' residenti li jgħixu f'din il-komunità.
L-iskop ta' dan il-proġett hu li mhux biss isiru xogħlijiet strutturali u ta' manutenzjoni, iżda wkoll li jitjieb b'mod sinifikanti l-ambjent ta' madwar ir-residenti, sabiex igawdu minn spazji komuni aktar siguri, moderni u estetikament sbieħ.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Galdes saħaq li dawn il-proġetti ta' riġenerazzjoni jkomplu juru l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-akkomodazzjoni soċjali f'kull rokna tal-pajjiż.
“Kull investiment bħal dan hu investiment fid-dinjità tan-nies. Aħna rridu li kull familja li tgħix f'dawn il-komunitajiet tħoss sens ta' kburija fil-post fejn tgħix. Dawn il-proġetti jagħmlu differenza reali mhux biss fl-infrastruttura iżda wkoll fis-sens ta' appartenenza u rispett lejn l-ambjent ta' madwarhom," tenna l-Ministru.
Il-Ministru Galdes kompla jispjega li xogħlijiet simili qed isiru jew se jsiru f'lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex bħala parti minn programm nazzjonali ta' manutenzjoni u titjib fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, li qed iwassal għal bidla pożittiva u sostenibbli fil-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' residenti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN