STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Irrestawrata l-pittura “St. Joseph with the Child Jesus” ta’ Mattia Preti
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-Ministeru f'kollaborazzjoni mal-Knisja Parrokkjali Ta' Sannat, irrestawra l-pittura taż-żejt fuq kanvas tas-seklu 17 “St. Joseph with the Child Jesus" tal-artist rinomat Mattia Preti, li tinsab fil-Knisja Parrokkjali Ta' Sannat.
Dan il-proġett sinifikanti, imwettaq matul ix-xhur li għaddew minn tim iddedikat ta' restawraturi professjonali, ta ħajja ġdida lil wieħed mit-teżori artistiċi u kulturali ta' gżiritna, filwaqt li assigura l-preservazzjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Dan l-inkwatru ta' Mattia Preti huwa r-raba' wieħed li nafu bih hawnhekk fil-parroċċi tagħna u permezz ta' dan ir-restawr se jkun jista' jitgawda ferm aħjar mill-pubbliku, minn dawk kollha li jkunu qed iżuru din il-gżira b'mod partikolari wkoll il-knejjes tagħna li huma wkoll monumenti b'diversi artifatti u li jkunu esebiti hawnhekk. Nemmen li l-knejjes tagħna minbarra l-iskop primarju, dak reliġjuż, aktar minn hekk għandhom ħafna wirt storiku li importanti napprezzawh ilkoll."
Il-proċess tar-restawr kien jinkludi dokumentazzjoni metikoluża, tekniki avvanzati ta' konservazzjoni, u integrazzjoni estetika bir-reqqa, kollha mmirati biex jipproteġu l-integrità u s-sbuħija ta' dan ix-xogħol uniku ta' arti. Mit-tindif tal-verniċ antik li kien ilu sekli sħaħ, għar-restawr ta' ħsarat preċedenti, sal-manifattura ta' qafas replika li jirrispetta l-kuntest storiku tal-pittura, kull pass twettaq bi preċiżjoni kbira u b'rispett sħiħ għall-viżjoni oriġinali ta' Preti.
Inizjattivi bħal dawn huma kruċjali għall-protezzjoni u l-apprezzament tal-wirt artistiku tagħna, u jippermettu kemm lir-residenti Għawdxin kif ukoll lit-turisti jgawdu dawn il-kapolavuri fl-ambjent awtentiku tagħhom. Il-knejjes parrokkjali madwar Għawdex, bħalma hi dik Ta' Sannat, huma bħal mużewijiet ħajjin aċċessibbli għal kulħadd u mimlija xogħlijiet uniċi li jirrakkontaw l-istorja komuni tagħna.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lit-tim tar-restawr għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom u sostna li l-Ministeru jibqa' impenjat bis-sħiħ li jappoġġja u jiffinanzja proġetti ta' restawr għall-benefiċċju kemm tas-soċjetà tal-lum kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN